Tuesday, May 14, 2024

“Il-multi jkunu effettivi dment li jiġu infurzati”

- il-Ministru Aaron Farrugia

Aqra wkoll

“Bħalissa għaddej il-proċess leġiżlattiv b’rabta mat-tibdil fil-multi għall-kontravenzjonijiet tat-traffiku. Issa li qbilna fuqhom anke fuq livell ta’ Gvern, hemm dan il-proċess li jidħol fis-seħħ ladarba jkun konkluż. Qed naraw li dan it-tibdil iseħħ fil-ġimgħat li ġejjin.”

Qal dan il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia meta mistoqsi minn talk.mt dwar it-tibdil fil-multi u l-punti li jitnaqqsu għall-kontravenzjonijiet tat-traffiku.

Il-Ministru Farrugia qal li l-pubbliku fil-maġġoranza tiegħu jrid id-dixxiplina u s-serjetà f’pajjiżna. L-għan ewlieni mhuwiex li l-nies jeħlu l-multi jew li jinħolqu iktar kontravenzjonijiet iżda l-għan huwa wieħed, illi fit-toroq Maltin ikun hemm aktar sigurtà.

Fejn jidħlu l-kontravenzjonijiet, il-Ministru Farrugia qal li l-iktar li saħqu fuqhom huma dawk li għandhom x’jaqsmu mas-sigurtà tat-toroq, bħall-użu ta’ mobile, sewqan eċċessiv u min jgħaddi minn fuq dawl aħmar fost oħrajn. Rigward dan, il-Ministru semma wkoll li kien il-poplu stess li talab sabiex tittieħed azzjoni u tingħata aktar sigurtà fit-toroq Maltin.

Mistoqsi kemm jaħseb li se jkunu effettivi dawn il-multi ġodda, il-Ministru Farrugia qal: “ikunu effettivi dment li jiġu infurzati. Meta nedejna l-pjan komprensiv tagħna biex ikollna aktar sigurtà fit-toroq, l-infurzar huwa kruċjali. Inutli jkollna l-ogħla multi, illi suppost inaffru n-nies, imbagħad ma jidħlux fis-seħħ għax ma jkunx hemm l-infurzar.”

“Proprju l-infuzar qed nagħmluh b’diversi inizjattivi fosthom b’investiment ta’ €120,000 fejn inxtraw erba’ muturi ġodda għall-uffiċjali tal-infurzar biex jintużaw waqt l-ispezzjonijiet imwettqa fit-toroq Maltin. Dan ifisser li biż-żieda tal-4 muturi, issa b’kollox l-uffiċjali tal-infurzar għandhom total ta’ 14-il mutur għall-użu tagħhom.”

Kmieni dan ix-xahar ġie mħabbar li se jidħlu fis-seħħ multi ġodda għal min jikser ir-regoli tas-sewqan. Dan hekk kif xufiera ta’ vetturi żgħar u muturi li se jinqabdu jużaw il-mobile jew earphones waqt is-sewqan se jibdew jeħlu multa ta’ €200.

Għal dawk li jsuqu vetturi ikbar bħal trakkijiet u kowċis u xufiera ta’ taxis, l-multa se titla’ għal €300. Minbarra l-multi, se jkun hemm ukoll żieda fil-punti fejn min jinqabad bil-mobile waqt is-sewqan, jistgħu jitnaqqsu bejn sitta u disa’ punti.

Minbarra multi fuq l-użu tal-mobile, se jkun hemm ukoll multi għal min jibqa’ għaddej isuq meta d-dawl tas-sinjali tat-traffiku jkunu fuq l-aħmar. F’dak il-każ il-multa ser titla’ għal €200. Dan filwaqt li min jinqabad isuq b’veloċità eċċessiva ta’ iktar minn 15-il kilomteru ’l fuq mil-limitu, il-multa se tiżdied għal €100. Dawk li jkollhom togħbija bħal vireg u xbieki tal-ħadid li mhumiex imwaħħlin sew, il-multa tkun dik ta’ €200. Min jinqabad iġorr iktar passiġġieri minn kemm permissibbli se jeħel €50 għal kull persuna żejda li jkun qed jgħabbi fil-vettura.

1 kumment

  1. Onor Ministru Aron Farrugia.Jien resident Hal Lija.Biex nuza tal linja irrid naqsam minn fuq il pelican lights.Kif xufiera jaraw id dawl isfar Isuqu bladocc biex jilhqu jaghddu.Il karozzi tal linja jkun fihom nies bil wieqfa izjed milli bilqeda.Alla jhares jkun hemm accident ghax zgur imutu nies.Nhar il Hadd madwar is siegha zewg sports cars Ferrari zgur li qalbu il 150 Km mic cimiterju sar roundabout.Labbuz kbir qed igib dawn laccidenti tat traffiku.Ghamlu il CAMERAS hdejn il pelican lights lisfel mic cimiterju forsi il bravi hafna jinqabdu.Grazzi

Comments are closed.

Sport