Friday, April 26, 2024

Omm ma riditx terġa’ tilqa’ lil bintha lura d-dar… baqgħet tinżamm arrestata

Aqra wkoll

Tfajla li isimha ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti nżammet arrestata l-ħabs wara li ġiet mixlija li kisret kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest. Fil-Qorti intqal li dan sar meta ħarġet qabel iż-żmien minn programm ta’ rijabilitazzjoni tad-droga li kienet qiegħda ssegwi.

Min-naħa tagħhom il-Prosekuzzjoni spjegaw li t-tfajla hekk kif tkeċċiet mill-programm marret toqgħod għand ommha. Intqal mill-Pulizija li kienu qegħdin jirċievu telefonati mingħand ommha, fejn qaltilhom li din kienet qed tiffrekwenta nies magħrufin mal-Pulizija, postijiet ta’ prostituzzjoni bħal Marsa u użu ta’ droga.

Intqal ukoll mill-prosekuzzjoni li l-omm ma kinitx lesta li terġa’ tilqa’ lil bintha lura d-dar u għalhekk preżentament it-tfajla ma kelliex indirizz u post fiss fejn toqgħod. Min-naħa tagħha l-akkużata wieġbet li mhix ħatja għall-akkużi miġjuba kontriha. Sostniet li nsiet tmur tiffirma l-għassa minħabba li xi jiem qabel kienet qalgħet xebgħa mingħand is-sieħeb ta’ ommha.

Il-Maġistrat Monica Vella ħadet id-deċiżjoni li minħabba l-akkużi miġjuba kontriha u minħabba li bħalissa m’għandiex indirizz fiss fejn toqgħod, li t-tfajla tinżamm arrestata.

Sport