Tuesday, December 24, 2024

Ħtieġa li nedukaw lis-subien dwar il-problema tal-vjolenza biex tingħeleb l-istatus quo

Aqra wkoll

“Il-Kunsill Ewropew jagħraf li sabiex neliminaw il-fenomenu tal-vjolenza fuq in-nisa jeħtieġ li nindirizzaw is-saffi differenti ta’ din il-problema: il-prevenzjoni, il-protezzjoni u l-qrati”. Dan però jeħtieġ li jsir b’ħidma kollettiva bejn il-pajjiżi u li l-ewwel pass ikun li nagħrfu u nisħqu illi s-sess mingħajr kunsens huwa rejp.

Saħqet dwar dan il-Kummissarju Ewropej għall-Ugwaljanza, Dr Helena Dalli, waqt l-intervent tagħha li għamlet fis-seduta tal-lum. Hija stqarret li iktar ma taħdem f’dan il-qasam iktar tintebaħ kemm għad fadal xi jsir sabiex nagħmlu differenza fil-ħajja tan-nisa kollha milqutin minn dan il-fenomenu madwar l-Ewropa.

Marbut ma’ dan qalet ukoll li n-nisa ma jistgħux jegħlbu din il-problema waħdihom, għaliex hemm bżonn ukoll l-involviment u l-kooperazzjoni tal-irġiel u s-subien. Ladarba nkunu edukajna lis-subien minn età żgħira dwar dan, l-irwol tagħhom bħala rġiel fis-soċjetà huwa li jirribattu l-istatus quo, fissret Dr Dalli.

Skont il-Kummissarju Ewropew Dalli, minn diversi analiżi u esperjenzi tal-ħajja jirriżulta li l-maġġorparti tal-każi tal-vjolenza jseħħu mill-irġiel filwaqt li n-nisa huma l-iktar persuni li jaqgħu vittmi ta’ din il-vjolenza. Osservat ukoll li filwaqt illi hemm maġġoranza qawwija ta’ nisa li jaqgħu vittmi ta’ vjolenza domestika, l-iktar tip ta’ vjolenza li jsofru minnha l-irġiel hija dik kriminali. Hija għamlet referenza wkoll għal-liġi li ddaħħlet f’Malta dwar il-femiċidju biex għamlet lil pajjiżna wieħed mill-ftit pajjiżi li saħħew din il-leġiżlazzjoni.

Dr Dalli semmiet li parti minn proposta li qed tiġi diskussa bħalissa hija li jkompli jissaħħaħ it-taħriġ għal dawk li se jkunu qed jaħdmu f’dan il-qasam bil-għan li l-każijiet tal-vjolenza jindunaw bihom iżjed malajr u li l-vittmi jirċievu sapport adegwat.

Ekonomija

Sport