Sunday, December 22, 2024

“Ħtieġa li tinbidel il-mentalità li toħloq inġustizzji” 

Diskussjoni mal-entitajiet fuq il-possibilità li jkun hemm reviżjoni tal-kondotta fuq pussess sempliċi tad-droga

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg enfasizzat il-bżonn li jinbidlu l-mentalitajiet antiki li qed iwasslu biex tinħoloq inġustizzja ma’ persuni li tassew ħaqqhom li jingħataw it-tieni ċans f’ħajjithom.

Hija kienet qiegħda titkellem fi tmiem konferenza li ttellgħet ilbieraħ f’lukanda ewlenija fil-Floriana bit-tema “Nagħtu t-Tieni Ċans” u li preżenti għaliha kien hemm ukoll il-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard. 

Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg bdiet billi staqsiet: “Jekk persuna tkun għamlet sforz biex tirriforma ruħha u tibni paġna ġdida, għalfejn bħala soċjetà m’għandniex nagħtuha t-tieni ċans?”. 

Hija għamlitha ċara li din id-diskussjoni m’għandha bl-ebda mod tiġi interpretata li dan il-Gvern se jkun qed jiġġustifika xi att kriminali jew ieħor, speċjalment f’każi fejn ikun hemm involuti l-vittmi. “Dawn il-każijiet jibqgħu kundanabbli u min jagħmilhom għandu jaffaċċja l-ġustizzja,” qalet is-Segretarju Parlamentari Buttigieg. 

“Iżda nemmen bis-sħiħ li wara dawn il-persuni jkunu pattew għall-iżbalji tagħhom u urew bl-aktar mod ċar li jkunu nbidlu, dmirna hu li nagħtuhom l-għodda biex jerġgħu jibnu ħajjithom. Din hi kwistjoni ta’ ugwaljanza.” 

“Bejn l-2019-2020, il-pulizija għamlet aktar minn 300 arrest fuq pussess sempliċi tal-kannabis. Fhimna li l-parti l-kbira ta’ dawn il-persuni mhumiex kriminali u wisq inqas għandhom jiġu trattati ta’ kriminali. Rajna għalhekk li kien hemm bżonn bidla legali.”

Hija kompliet tgħid li “llum skattajna l-ewwel parti tal-proċess biex bħala Gvern nifhmu aħjar ir-realtajiet li qed iħabbtu wiċċhom magħhom dawn il-persuni u nibdew naraw kif se naslu biex noffru soluzzjonijiet konkreti.

“Fix-xhur li ġejjin se nniedu konsultazzjoni pubblika sabiex nassiguraw li t-tibdil li nipproponu jkun wieħed infurmat u li jirrifletti l-ħsibijiet tal-istakeholders konċernati,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari. 

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Jonathan Attard tkellem dwar il-ħtieġa li tkun assigurata riforma li toffri t-tieni ċans. “Irridu nkunu aħna li nixprunaw diskussjoni u nitkellmu mal-istakeholders involuti. Dik il-kompassjoni li ma tiqafx mal-jaħasra imma li tittieħed azzjoni. Irridu nassiguraw li nkomplu naħdmu għal soċjetà fejn kulħadd ikun kontabbli t’għemilu, nieħdu l-approċċ li minflok nitkażaw u niġġudikaw, nifhmu x’wassal biex wetttaq dak ir-reat u naraw li tibda paġna ġdida,” qal il-Ministru Attard. 

Fost dawk preżenti għall-konferenza kien hemm is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Josef Bugeja u d-Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU Kevin Camilleri.

Ekonomija

Sport