15,000 ħaddiem minn madwar il-kontinent inġabru f’dimostrazzjoni lejn l-istituzzjonijiet Ewropej fi Brussell f’messaġġ lill-mexxejja kontra l-awsterità.
Membri ta’ Trade Unions minn madwar 30 pajjiż vjaġġaw lejn il-Belġju għal din id-dimostrazzjoni ‘Together Against Austerity’ organizzata mill-Konfederazzjoni tat-Trade Unions Ewropej (ETUC).
Minn naħa tagħha s-Segretarju Ġenerali Esther Lynch wissiet lill-politiċi li se jkollhom iħallsu l-prezz jekk fl-elezzjonijiet Ewropej tirritorna l-awsterità.
Il-protesta tasal lejlet laqgħa tal-kapijiet tal-gvern Ewropej, li qed jitħabtu biex isibu kunsens dwar riforma kontroversjali tar-regoli tal-governanza ekonomika tal-UE.
Skont l-abbozz tal-proposta tal-Kummissjoni, l-istati membri b’defiċit ta’ aktar minn 3% tal-PGD ikollhom inaqqsu d-defiċit tal-baġit tagħhom b’mill-inqas 0.5% tal-PDG kull sena.
Skont il-kalkoli tal-ETUC ibbażati fuq id-dejta tal-Kummissjoni Ewropea dan ikun ifisser li l-istati membri se jkunu mġiegħla jaqtgħu €45 biljun mill-budgets tagħhom is-sena d-dieħla biss
Is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Josef Bugeja, id-Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU Kevin Camilleri, is-Segretarju Internazzjonali Jason Deguara, is-Segretarju tal-GWU Youths Jurgen Azzopardi u r-rappreżentant tal-unjin għal Għawdex Jonathan Vella kienu fost dawk preżenti.
Dan f’turija ta’ solidarjetà mal-ħaddiema Ewropej fi stati differenti li qed jaffaċċjaw futur inċert.