Thursday, December 26, 2024

Fl-Awstralja: Mara tingħata l-maħfra b’rabta mal-imwiet tat-tfal tagħha

Aqra wkoll

Mara li kienet deskritta bħala “l-agħar serial femminili tal-Awstralja” ingħatat maħfra wara li evidenza ġdida li ġiet ippreżentata ssuġġeriet li hija ma kinitx qatlet lill-erbat itfal tagħha.

Kathleen Folbigg għamlet 20 sena ħabs wara li kienet instabet ħatja f’ġuri li qatlet lil Caleb, Patrick, Sarah u Laura fuq perjodu ta’ għaxar snin. Iżda inkjesta riċenti semgħet lix-xjentisti jemmnu li dawn it-tfal setgħu mietu b’mod naturali.

Folbigg li dejjem iddikjarat l-innoċenza tagħha, fl-2003 kienet ikkundannata 25 sena ħabs għall-qtil tal-erba’ ulied tagħha. Il-qtil seħħ bejn l-1989 u l-1999, u t-tfal kellhom bejn 19-il jum u 19-il xahar.

Fil-ġuri tagħha, il-Prosekuturi allegaw li hija kienet fgathom. Appelli preċedenti u inkjesta separata fl-2019 fil-każ ma sabu l-ebda bażi għal dubju raġjonevoli u taw piż aktar lill-evidenza ċirkostanzjali fil-ġuri ta’ Folbigg.

Iżda fl-inkjesta ġdida, immexxija mill-imħallef irtirat Tom Bathurst, il-prosekuturi aċċettaw li r-riċerka dwar il-‘gene mutations’ biddlet il-fehma tagħhom dwar l-imwiet tat-tfal.

L-Avukat Ġenerali ta’ New South Wales Michael Daley, ħabbar li s-Sur Bathurst kien wasal għall-“fehma soda” li kien hemm dubju raġjonevoli li s-Sinjura Folbigg setgħet kienet ħatja ta’ kull reat.

B’riżultat ta’ dan, il-gvernatur ta’ New South Wales iffirma maħfra sħiħa u ordna l-ħelsien immedjat ta’ Folbigg.

Ekonomija

Sport