Saturday, December 21, 2024

Ħu George u Alfred Degiorgio mixli b’ħasil ta’ flus u rikatt

Aqra wkoll

Mario Degiorgio, li jiġi ħu George u Alfred Degiorgio, inżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti mixli b’ħasil ta’ flus u rikatt. 

L-uffiċjal prosekutur, l-Ispettur Leanne Bonello, spjegat lill-Maġistrat Rachel Montebello li wara ħafna investigazzjonijiet fuq l-imputat, inħareġ mandat kontrih u kien arrestat it-Tnejn li għadda fid-dar tiegħu fil-Marsa. 

L-Ispettur Bonello qalet li l-imputat ma wieġeb għall-ebda mistoqsija li saritlu waqt l-interrogazzjoni. Qalet li kien diffiċli li għaliha li tagħmillu mistoqsijiet oħrajn minħabba nuqqas ta’ koperazzjoni min-naħa tiegħu. 

Mario Degiorgio ta’ 65 sena wieġeb mhux ħati tal-akkużi u saret talba għall-ħelsien mill-arrest tiegħu. Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba n-natura serja tar-reati, li huma marbutin mal-aħwa tal-imputat. 

“Dawn huma reati li jikkonsistu fuq allegat ħasil ta’ flus u rikatt fejn l-imputat kien qiegħed jaħdem ma’ ħutu u terzi li għad iridu jixhdu fil-kawża,” qalet il-Prosekuzzjoni.

Żiedet tgħid li hemm minn tal-inqas sitt xhieda pajżana li għad iridu jixhdu f’dawn il-proċeduri. 

Id-Difiża argumentat li dawn ir-reati jmorru lura għall-perjodu 2017-18. Qalet li x-xhud ewlieni, Melvin Theuma, jinsab taħt protezzjoni mill-pulizija u diġà xehed diversi drabi, u għalhekk ma jistax javviċinah. 

Wara li semgħet is-sottomissjonijiet tal-partijiet, il-Qorti ma laqgħetx it-talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Mario Degiorgio, u ordnat li jinżamm taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati Marthese Grech u Francesco Refalo mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali megħjuna mill-Ispettur Christopher Ellul. 

L-Avukati William Cuschieri u Lennox Vella dehru għall-imputat.

Ekonomija

Sport