Wednesday, April 24, 2024

Il-futur tal-Ġappun wara l-assassinju ta’ Abe Shinzo

Ruben Briffa
Ruben Briffa
Analista dwar Avvenimenti Internazzjonali

Aqra wkoll

Fis-7 ta’ Lulju li għadda, id-dinja kienet maħsuda bl-assassinju tal-eks Prim Ministru Ġappuniż Abe Shinzo. Shinzo kien l-aktar politiku li dam iservi f’din il-kariga fl-istorja tal-Ġappun ta’ wara t-Tieni Gwerra Dinjija. 

Minkejja li Shinzo kien ilu sentejn li rriżenja mill-kariga minħabba raġunijiet ta’ saħħa, il-politika tiegħu, kemm fl-isfera domestika u f’dik internazzjonali, għadha tinħass kemm fil-Ġappun u fil-madwar. 

Ħafna analisti politiċi qegħdin jistaqsu x’effetti sejra jkollha l-mewt ta’ Shinzo fuq l-andament tal-politika inġenerali tal-Ġappun. Dan minħabba li Shinzo kien għadu b’saħħtu ħafna fil-partit u kien sigriet magħruf li kien għadu jaffetwa bil-kbir it-tmexxija tas-suċċessur tiegħu Kishida Fumio.

Il-legat ta’ Abe Shinzo

Abe Shinzo, li kellu 69 sena, kien serva bħala l-Prim Ministru tal-Ġappun fuq żewġ termini, jiġifieri bejn l-2006 u l-2007 u bejn l-2012 u l-2020.

Iċ-ċentru tal-politika ta’ Shinzo kien li jagħmel lill-Ġappun bħala wieħed mill-pajjiżi li jiddeċiedi l-aġenda internazzjonali. Dan għamlu permezz ta’ alleanzi ma’ pajjiżi bħall-Istati Uniti u l-Indja permezz ta’ alleanzi bħal dik magħrufa bħala l-QUAD.

Matul it-tieni termini tiegħu bħala Prim Ministru, Shinzo pprova jtejjeb l-immaġini ta’ pajjiżu li kien għadu jsofri mill-ħniżrijiet li kienu saru mill-Ġappuniżi matul it-Tieni Gwerra Dinjija fuq nies innoċenti ta’ pajjiżi ġirien tal-Ġappun. Tant ried li jnissi l-passat ta’ pajjiżu, li Shinzo, addirittura, biddel il-kotba tal-istorja ġewwa l-iskejjel sabiex il-tfal ma jitgħallmux fuq l-imġiba aggressiva ta’ pajjiżu bejn l-1885 u l-1945. Dan it-tbagħbis mal-istorja fattwali urta bil-kbir lil xi pajjiżi ġirien bħall-Korea t’Isfel wara li dan il-pajjiż kemm-il darba talab apoloġija mill-Ġappun fuq kif l-armata Ġappuniza kienet abbużat sesswalment minn ħafna tfajliet Koreani matul it-Tieni Gwerra Dinjija billi litteralment tefgħat lil dawn il-povri ġo briedel għas-suldati Ġappuniżi. Għalkemm Abe Shinzo kemm-il darba pprova jtejjeb ir-relazzjonijiet ma’ dan il-pajjiż, huwa xorta baqa’ bit-tikketta mal-Koreani.

Fuq kollox, Abe Shinzo jibqa’ mfakkar fuq il-mod kif bidel xi klawsoli mill-kostituzzjoni Ġappuniża, klawsoli li kienu imposti mill-alleati wara l-gwerra sabiex jillimitaw l-operat tal-armata Ġappuniża. It-tibdil li ghamel Shinzo fuq dan ir-rigward wassal ghal aktar fondi ghall-armata, fost affarijiet oħra.

L-assassinju

Minħabba li Abe Shinzo kien persuna konstroversjali għall-aħħar, huwa kellu hafna għedewwa madwar il-pajjiż kollu. Kien għalhekk li wara li safa maqtul minn tiri ta’ pistola sparati minn raġel ta’ 41 sena, bdew ħafna spekulazzjonijiet rigward il-mottiv wara dan id-delitt. 

Kif diġà għedna fl-introduzjoni, dan id-delitt ħasad bil-kbir lill-Ġappuniżi u anke lill-komunità internazzjonali minħabba li delitti permezz ta’ armi tan-nar huma rari ħafna ġewwa dan il-pajjiż. Fil-fatt, anke il-preżenza ta’ armi tan-nar hija rari ħafna ġewwa l-Ġappun minħabba s-serjetà tal-iċċekkjar li jsir mill-awtoritajiet fuq kull min jitħajjar jixtri arma. Fil-fatt, dan id-delitt seħħ permezz ta’ arma tan-nar mibnija mill-istess qattiel wara li mexa fuq struzzjonijiet li wieħed isib fuq l-internet.

Fost it-teoriji rigward il-mottiv wara dan id-delitt kien hemm dik li l-qattiel kien urtat wara li Abe Shinzo dan l-aħħar mar isellem mafkar ta’ xi membri tal-armata ta’ żmien il-gwerra li ħafna Ġappuniżi paċifisti jqisuhom li huma kriminali tal-gwerra. Dan l-episodju juri l-karattru kontradittorju li kellu Abe, fejn filli kif għedna aktar ‘il fuq, kien jipprova jnessi lin-nies dik il-parti tal-istorja ta’ pajjiżu li tirrigwarda żmien it-Tieni Gwerra u wara jmur jagħmel żjara bħal din. 

Però, wara li ġie interrogat il-qattiel li ġie arrestat minnufih wara l-attentat, irriżulta li l-mottiv wara dan il-qtil ma jidhirx li kien wieħed politiku. Milli jidher, il-qattiel kien ħadha qatta bla ħabel kontra knisja magħrufa bħala l-Knisja tal-Unifikazzjoni u li tagħha Abe Shinzo kien midħla, wara li omm il-qattiel tat ġidha bħala donazzjoni lil din il-knisja.

Il-Ġappun ta’ wara Shinzo

Minkejja li kif diġà għedna aktar ‘il fuq, Shinzo kien ilu sentejn li rriżenja minn Prim Ministru, ħafna analisti tal-politika Ġappuniżi jsostnu li huwa kien għadu d-de-factum mexxej tal-pajjiż minħabba l-istatura li kien għandu ġewwa l-partit tiegħu, il-Partit Demokratiku Liberali.

Issa li Shinzo ħareġ mix-xena, hemm iċ-ċans li Kishida Fumio jbiddel xi ftit it-triq politika tal-Ġappun li matul dawn is-sentejn kien għadha għaddejja eżatt fuq dik li kien beda l-istess Shinzo. Din hija l-politika li timbotta alleanzi mal-pajjiżi tal-punent, l-aktar mal-Istati Uniti u fuq kollox li tikkontrolla l-influenza dejjem tikber tac-Cina fir-regjun. Il-Ġappun kien qiegħed jaghmel dan billi fost affarijiet oħra ħoloq fondi finanzjarji sabhiex jgħinu finanzjarjament lil diversi pajjiżi ġirien sabiex jagħmlu ċertu proġetti infrastrutturali minflok ma dawn jirrikorru għal fond simili li għandha ċ-Ċina magħruf bħala ‘It-Triq Ciniża tal-Ħarir’. 

Hemm ċans kbir li issa Kishida Fumio jnaqqas naqra l-investment li kien beħsiebu jiddedika Shinzo għat-tkabbir tal-armata li semmejna, minħabba li Kishida huwa magħruf bħala politiku ħafna anqas aggressiv milli kien Shinzo. Però, l-indikazzjonjiet huma li jekk ikun hemm xi tibdil, dan ikun biss kożmetiku, minħabba li l-poplu Ġappuniż bħalissa jixtieq li pajjiżu jkun aktar kapaċi jiddefendi lilu nnifsu mit-theddid kontinwu li hawn madwar id-dinja.

Filwaqt li naturalment mhux kull Ġappuniż kien jaqbel mija fil-mija mal-politika ta’ Shinzo, żgur li l-poplu Ġappuniż wera l-apprezzament u fuq kollox ir-rispett tiegħu lejn dan il-politiku ewlieni Ġappuniż. Il-katavru tiegħu kellu jiġi espost għal ġimgħa sħiħa sabiex in-nies kollha li xtaqu jarawh għall-aħħar darba setgħu jiġu akkomodati. Jekk xejn, Abe Shinzo rnexxielu jerġa’ jpoġġi lil pajjiżu fuq il-mappa tal-pajjiżi importanti tad-dinja wara li kien tilef il-krettu kollu fi żmien it-Tieni Gwerra minħabba l-alleanza ma’ Hitler u Mussolini.

Sport