Friday, February 21, 2025

Ħudu eżempju minni … minn tifel li ma kien jaf xejn fuq arma spicca wasal sal-Olimpjadi – Gianluca Chetcuti

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-isparar?

Ta etá żgħira, minkejja li ma trabbejtx ġewwa familja li tħaddan l-isport tal-isparar jew delizzju tal-armi, kont inħoss ġibda lejn sport li jinvolvi xi tip ta’ arma biex tolqot oġġett. Din il-ġibda ma kinitx esklussiva għall-armi, il-qaws ukoll kien jinterressani. Minkejja dan, għamilt xi snin nilgħab il-futbol bħala forma ta’ eżerċizzju u biex inkun bħat-tfal u ġuvnotti Maltin, waqt il-ħsieb u immaġinazzjoni tiegħi xorta baqgħu jduru fuq l-armi. Tajjeb ngħidu li sadanittant, qatt ma kont ġejt wiċċ imb’wiċċ ma’ senter. Ta’ 12-il sena, kont iddejjaqt nilgħab il-futbol, li huwa l-opinjoni tiegħi, ma rridx infisser li l-isport mhuwiex sabiħ, imma ma kienx għalija. Ftaħt qalbi mal-ġenituri dwar ix-xewqat tiegħi li nipprattika dan l-isport tal-isparar. Huma, ta’ ġenituri sapportivi ħafna fittxew u raw xi jrid jsir biex wieħed ‘barrani’ u nuża dik il-kelma biex nemfasizza li aħna konna barranin għad-dinja tal-isport tal-isparar, ikun jista’ jibda jipprattika dan l-isport b’mod legali u sigur. Minn dakinhar li ftaħt qalbi, stennejt sentejn oħra sakemm għalaqt 14-il sena biex inkun konformi mal-liġi Maltija u bdejt nitħarreg fil-kamp tal-Bidnija mas-Sur Jimmy Bugeja, li kien l-ewwel kowċ tiegħi fl-isparar u ħabib kbir sal-lum. Minn dakinhar li bdejt, għaddew 13-il sena u l-imħabba u passjoni tiegħi għall-isprar dejjem tevolvi. 

X’unuri maġġuri rbaħt fil-karriera tiegħek sa issa?

Bħala unuri maġġuri, irbaħt darbtejn infila midalja tad deheb fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar fil-GSSE 2017 u GSSE 2019 ġewwa San Marino u Montenegro rispettivament fid- dixxiplina tad-Double Trap. Fl-aħħar tal-2019 biddilt id-dixxiplina għat-Trap. Minkejja li s’issa għadni ma rbaħtx midalji internazzjonali fit-Trap, tajjeb ngħid li wara l-pawża u kumplikazzjonijiet fit-taħriġ u kompetizzjonijiet minħabba l-COVID-19 fis-sena 2020 u 2021, fit-tliet snin tal-2022 sal-2024 irpiljajt u ksibt diversi suċċessi. Għandi r-rekord nazzjonali ta’ skor tal-kwalifikazzjoni. Dan tal-aħħar 124/125 huwa anke r-rekord ġdid tal-European Games li għamiltu fl-2023 ġewwa l-Polonja. Għandi wkoll rekord ta’ 100 plattina milquta infila fuq tlitt ijiem, li għamilt ġewwa l-Qatar fl-2024.

Sirt l-ewwel tiratur Malti fl-eżistenza tal-Federazzjoni Maltija għall-Isparar tal-Plattini li kkwalifika għall-finali tal-ISSF World Cup fid-dixxiplina tat-trap u b’hekk ukoll l-ewwel tiratur li daħal f’finali tal-ISSF kemm ta’ dixxiplina trap u double trap. Tal-aħħar ukoll rrappreżentajt lil pajjiżna fl-Olimpjadi li seħħew ġewwa Pariġi f’Awwissu li għadda. 

X’tikkummenta fuq il-livell tat-trap f’pajjiżna fil-preżent?

Nikkummenta li l-livell tal-isparar f’pajjiżna huwa tiela’ u hemm grupp ta’ tiraturi żgħażagħ u adulti li nippromettu u nisparaw b’livell għoli. L-isport tagħna huwa forsi aktar volatili minn sports oħra, fejn tiraturi jgħaddu minn perjodi ta’ riżultati sodisfaċenti għall-perjodi b’riżultati anqas sodisfaċenti peró bejnietna dejjem ikollna għadma iebsa għal min joħroġ rebbieħ fil-kompetizzjonijiet lokali … u tajjeb li jkun hekk, inkella ma nimxux ‘il quddiem. 

U dak tar-riżorsi fejn tittrenjaw u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?

Tajjeb ngħidu li grazzi għall-investiment u sapport minn SportMalta u l-Kumitat Olimpiku Malti (KOM), il-Federazzjoni Maltija għall-iSport tal-Isparar, l-MSSF, qiegħda tinvesti ħafna fina l-atleti u ta’ kull sena nħoss li qegħdin noqorbu lejn livell ta’ għajnuna xierqa biex inkunu nistgħu nkunu kompetittivi mal-barranin u li jtaffu mill-ispejjeż abbonati li tipprattika sport bi frekwenza ta’ livell jekk mhux professjonali, imma kważi professjonali. Dejjem hemm iżjed x’jista’ jsir peró rridu nqisu li l-ispina tal-isport, ħafna drabi huwa ffurmat minn voluntiera u b’hekk tapprezza x-xogħol li jsir ibbażat fuq imħabba u passjoni.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fit-trap?

Minkejja li s’issa għadni ma rbaħtx midalji fix-xena internazzjonali tat-trap, nemmen li dan huwa biss mument ta’ meta u mhux forsi. Urejt prominenza u grinta biex wasalt bħala wieħed mit-tiraturi ewlenin ta’ pajjizna fit-trap u anke qiegħed inħabbatha mat- tiraturi barranin f’din id-dixxiplina. Nittama li fadalli futur imżewwaq f’din id-dixxiplina biex Malta terġa’ tikseb post prominenti fl-isparar internazzjonali bħalma diġá konna f’dixxiplini oħrajn permezz ta’ tiraturi Maltin.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-isparar.

Jien nikkunsidrani ambaxxatur ta’ kull sport, peró marbut ma’ qalbi huwa dan l-isport tal-isparar. Hemm ħafna dixxiplini u tipi ta’ sparar u żgur li xi wieħed minn dawn id- dixxiplini jgħodd għalik. Iżżommux lura għaliex forsi ma trabbejtux f’dan l-ambjent ta’ sport. Ħudu eżempju minni … minn tifel li ma kien jaf xejn fuq arma spiċċa wasal sal- Olimpjadi!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport