Inewsmalta.com b’intervista ma’ Matthew Bartolo dwar l-imxija COVID-19 u l-effetti fuq is-saħħa mentali
Miktub minn Melvin Farrugia
Huma biss dawk li jirnexxilhom jaddattaw li jsalvaw. Dan hu l-appell tal-fundatur tat-tim Willingness, Matthew Bartolo li ma’ Inewsmalta.com spjega li dak li għaddejjin minnu bidilna u se jkompli jibdilna. Stqarr li wara t-tixrid ta’ dan il-virus madwar id-dinja, mhux se jgħaddi kollox u bħal donnu nagħfsu l-buttuna tal-“Play” u nkomplu fejn ħallejna. Qal li se jkun hemm bżonn li naddattaw għal ħajja differenti u għal norma differenti.
Hekk kif fl-aħħar ġimgħat rajna l-effett li qed ikollu dan il-virus fuq is-saħħa fiżika tal-popolazzjoni dinjija, Inewsmalta.com tkellmet ma’ Bartolo biex naraw x’jistgħu jkunu l-konsegwenzi fuq is-saħħa mentali tan-nies u x’jista’ jsir min-naħa tan-nies biex kemm jista’ jkun jevitaw il-konsegwenzi. Bartolo jmexxi tim ta’ professjonisti li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa mentali u għalhekk spjegalna fid-dettall dwar l-effetti ta’ dak kollu madwarna f’dan il-mument hekk partikolari li għaddejjin minnu.
L-ewwel nett, it-tixrid tal-virus COVID-19 fih innifsu, (anke qabel ma kien hemm il-bżonn li n-nies jingħalqu ġewwa), taħseb li diġà kien qed iħalli impatt psikoloġiku fuq in-nies?
Il-midja soċjali ġġegħelna nħossu li dak li qed ‘il bogħod minna qed iktar viċin milli fil-verità hu. Iktar ma beda joqrob u mess mal-Ewropa, dak li kien qed ibeżżagħna fiċ-Ċina bdejna narawh joqrob u għalhekk l-ansjetà bdiet tiżdied. Interessanti, li fejn issoltu dak li naraw fil-midja soċjali jseħħ f’pajjiżi oħra, issoltu niġu disensitiżżati għalih, bħalma pereżempju l-gwerer u l-moħqrija li sseħħ fil-Lvant nofsani drajniha u m’għadhiex taħsadna jew iddejjaqna, fejn jidħol il-Coronavirus ma ġejniex disensitizzati. Jista’ jkun li għax hi ħafna eqreb u l-biża’ hi reali wkoll.
Fl-istess kuntest, meta mbagħad ġie mħabbar il-bżonn li n-nies jingħalqu u jżommu ‘l bogħod minn xulxin, kemm tħoss li kien kbir l-impatt fuq is-saħħa mentali tagħhom?
Nimmaġina li iktar ma t-theddida tinħass mill-viċin, iktar wieħed jibża’. Speċjalment meta wieħed jisma’ li ċerti sintomi li jkollu huma simili għal dawk tal-persuni li ġew milquta minn dan il-virus. Mhux kulħadd jipproċessa l-ansjetà u s-sitwazzjonijiet differenti bl-istess mod. Ikun hemm min beda jaħsiblu u jieħu prekawzjonijiet malli sema’ li hemm virus iċ-Ċina u hemm min irid ikun hemm regolamenti imposti fuqu biex ma joħroġx u ma jitħallatx.
Fil-psikoloġija hemm fenomenu li nsejħulu “personal fable”. Dan hu t-twemmin li traġedja mhux se tiġri lil individwu. Bħal pereżempju meta xi ħadd isuq b’veloċità qawwija għax jemmen li mhux se jiġri aċċident lilu. L-istess jista’ japplika għall-Coronavirus. Ikun hemm min jaħseb li ma jistax jaqbad lilu u għalhekk jieħu riskji li ħaddieħor ma jiħux.
Qed jingħad, kultant b’ċajta, li minħabba dan il-virus jaf ikollna ħafna trabi aktar ‘il quddiem. Taħseb li dan jista’ jkun minnu jew inkella tant in-nies huma demoralizzati li tiġi affettwata s-saħħa sesswali tagħhom ukoll?
Ma nkunx sesswologu tajjeb jekk ma nħeġġiġx lill-koppji jużaw dan iż-żmien biex ipattu għan-nuqqas ta’ intimità fi żminijiet meta jkunu iktar mħabbtin. Int qajjimt punt tajjeb immens. L-ansjetà tista’ taffettwa l-aptit sesswali. L-aptit sesswali jonqos meta persuna tkun maħkuma minn ansjetà. Mhux qed nitkellmu dwar ansjetà normali iżda stat ta’ paniku.
Se jkun hemm koppji li l-ħin flimkien se jressaqhom iktar lejn xulxin u b’hekk l-intimità żżid. Se jkun hemm ukoll koppji li l-ħin flimkien se jenfasizza d-differenzi u joħloq iktar tensjoni bejniethom. L-importanti li l-koppja tifhem li f’relazzjoni b’saħħitha hemm bżonn ħin flimkien, però daqsekk ieħor ħin ‘il bogħod minn xulxin. Ħin individwali. Mhux kulħadd ikollu bżonn l-istess ammont ta’ ħin individwali, allura tajjeb li wieħed japprezza u jirrispetta l-bżonn tas-sieħeb / sieħba tiegħu. Dan il-bilanċ jgħin il-ħajja sesswali u intima tal-koppja. Meta koppja l-ħin kollu flimkien tispiċċa taqbad ma’ xulxin. Meta mbagħad ma tantx tqatta’ ħin flimkien tinqata’ u wieħed jibda jħossu skomdu jagħmel avvanz.
Għal dawk l-anzjani li qegħdin ġewwa, x’tissuġerixxi li għandhom jagħmlu biex jieħdu ħsieb is-saħħa mentali tagħhom?
Is-saħħa mentali tiġi affetwata ħafna mis-saħħa fiżika u għalhekk nibda biex ngħid li importanti ma nintefgħux fuq is-sufan naraw it-TV jew nisimgħu r-radju ġurnata sħiħa. Agħmel xi tip ta’ eżerċizzju. Ara xi programmi ta’ eżerċizzju fuq it-TV, jew fuq l-internet u ġiegħel lil min jgħix miegħek isegwi miegħek. Tintefax taħmi kejkijiet u pasti. Prova uża dan il-ħin biex issajjar ikel bnin.
Ċempel lil sħabek jew lill-familja. Żomm kuntatt u tinqatax waħdek. Li tħossok parti minn komunità tgħinek fi żminijiet bħal dawn. Ara anke kif tista’ tgħin lill-komunità tiegħek.
Aqbad delizzju. Issa li għandek ftit ħin waħdek, mingħajr neputijiet u tfal iżuruk, uża dan il-ħin biex iddur dawra d-dar. Aqbad delizzju li tista’ tagħmlu mid-dar. Tiddejjaqx issaqsi lill-qraba ħalli jġibulek dak li għandek bżonn.
Hemm xi eżerċizzji partikolari li għandhom jagħmlu biex iżommu moħħhom attiv waqt dan iż-żmien?
Il-mużika tgħin ħafna lill-moħħ jibqa’ żagħżugħ u attiv. Itfa’ ftit mużika ta’ żmienek u pprova ċċaqlaq ftit magħha wkoll. Il-mużika tqanqal ċerti emozzjonijiet u memorji. Tista’ anke ddur ir-ritratti tal-istess żmien waqt li qed tisma’ l-mużika. Iġġedded il-memorji u emozzjonijiet ta’ dari.
Jekk għandek ġardina jew xi ftit pjanti tajjeb ħafna li ddur dawra magħhom. Pjanti ħajjin jagħtu dehra isbah lil darek. Il-ġardinaġġ jgħin ħafna anke s-saħħa mentali u dik fiżika. Crosswords, board games u anke logħob online jgħinu biex inħaddmu moħħna u nżommuh għaddej. Fl-istess ħin, dan kollu jista’ jkun ta’ aljenazjoni mill-ħafna aħbarijiet, u ġieli anke qlajjiet negattivi li jibdew jinxterdu.
Kif jistgħu qraba jgħinu lill-anzjani tagħhom biex iħossuhom aħjar f’dan il-mument diffiċli?
Ċemplu, ċemplu u ċemplu. Dan mhux mument li tibgħat messaġġ. Bħalissa, li wieħed jisma’ l-vuċi tagħmel differenza kbira. Jekk jirnexxielkom taqbdu online u tagħmlu telefonati b’vidjo jerġa’ jkun ħafna aħjar. Involvu lill-anzjani kemm jista’ jkun. Agħmlu telefonati waqt l-ikel, ħeġġu t-tfal iċemplulhom. Bħalissa t-tfal forsi bdew jgħejjuna ġurnata sħiħa magħna. Għax ma ssaqsux lin-nanniet jaqrawlhom storja minn fuq it-telefon?
Araw għandhomx bżonn xi ħaġa. Dan hu ż-żmien li nieħdu ħsieb xulxin, speċjalment dawk li faċli jinqatgħu waħedhom. Aħsbu wkoll f’anzjani li jinsabu waħedhom. Tassumux li jmorru qrabathom jew li għandhom min idur bihom. Agħtuhom telefonata u staqsuhom kif inhuma.
Għal dawk il-persuni l-oħra li mhumiex anzjani, x’tirrakkomanda li jagħmlu biex joħorġu minn dawn iż-żminijiet bl-aqwa mod?
Ftakar li dan se jgħaddi. Dan żmien li se jgħaddi. Għadna ma nafux meta se jgħaddi, però nafu biċ-ċert li se jgħaddi. Ħares lejn ħajtek kollha. Żgur li kollha kemm aħna għaddejna minn żmien diffiċli, li forsi ma ħsibniex li se nkampaw, però dak għadda wkoll. Bħalma għadda dak iż-żmien, dan se jgħaddi wkoll. L-istess ħiliet li għenuk tgħaddi dak iż-żmien, jaf tista’ terġa’ tużahom biex tgħaddi minn dan iż-żmien ukoll.
Fittex sapport. Jekk hux tgħid kelma ma’ sħabek, jew professjonist, tkellem. Meta titkellem tinduna li ħafna huma dawk li jħossuhom bħalek. Barra minn hekk, tħossok parti minn komunità. Meta qed iżżomm kuntatt ma’ ħaddieħor, tkun qed tieħu ħsieb is-saħħa mentali tiegħek u dik ta’ madwarek.
Idħak. Il-memes fuq Facebook u Instagram. Iċ-ċajt li ngħaddu fil-Whatsapp groups. Iċ-ċajt li ngħidu lil xulxin dwar dan il-famuż Coronavirus jgħinuna ngħaddu dan iż-żmien b’naqra iktar pożittività. Barra minn hekk, iċ-ċajt ifakkarna li dan li għaddej minnu hu biss kapitlu mill-ktieb ta’ ħajjitna.
Tgħallem. Ara din is-sitwazzjoni x’qiegħda tgħallmek. Hemm żewġ tipi ta’ nies. Dawk li se jqattgħu ġimgħat jibku dak li tilfu. “Għax kieku llum morna Għawdex”. “Kellna vaganza mħallsa”. “Naqasli x-xogħol”. Hemm imbagħad dawk li jaraw x’jistgħu jagħmlu u jaddattaw. Il-verità hi li ngergru kemm ingergru mhux se nġegħlu dan iż-żmien jgħaddi iktar malajr. Anzi, pjuttost inħossuh itawwal iktar meta ngergru u nkunu negattivi. Ieqaf u aħseb dwarek innifsek. Kif tista’ tikber minn din is-sitwazzjoni?