Il-manager temporanju ta’ Manchester United, Ralf Rangnick, qal li huwa f’idejn Marcus Rashford li “jieħu l-passi hu stess” biex jerġa’ jikseb post mal-ewwel 11 tat-team.
Rashford reġa’ tħalla barra għall-konfront tas-Sibt li għadda fil-Premier League ma’ Leicester City minkejja n-nuqqas kemm ta’ Cristiano Ronaldo kif ukoll ta’ Edinson Cavani minħabba mard u injury rispettivament.
Il-player internazzjonali Ingliż tħabat għall-forma dan l-istaġun, fejn irnexxielu jiskorja biss ħames goals u jipprovdi żewġ assists f’27 dehra fil-kompetizzjonijiet kollha, u kien hemm għadd ta’ spekulazzjonijiet dwar il-futur tiegħu fl-aħħar ġimgħat.
Rangnick sfida lil Rashford biex jerġa’ jsir player importanti għat-team.
“Marcus, mhuwiex sigriet li mhux qed ikollu l-aħjar żmien tiegħu mal-club bħalissa,” qal Rangnick. “Għandha x’taqsam mar-ritmu u l-kunfidenza, huwa xogħolna li ngħinuh jerġa’ jikseb din il-kunfidenza.:
“L-unika ħaġa li nistgħu nagħmlu hi li nitkellmu miegħu regolarment u ngħidulu x’nistennew mingħandu u x’għandu jagħmel. Il-bqija jrid isir minnu.”
“Huwa possibbli li tiżviluppa fi żmien ftit ġimgħat livell ta’ kunfidenza fejn tista’ terġa’ tkun player differenti. Ilkoll nafu li Marcus jista’ jilgħab aħjar, iżda fl-aħħar mill-aħħar irid jieħu l-passi hu stess.”
Wara li ġew eliminati miċ-Champions League fir-round tal-aħħar 16, Manchester United se jkunu qed jerġgħu lura fl-azzjoni nhar is-Sibt wara nofsinhar, meta jaffrontaw lil Everton barra minn darhom fil-Premier League.