Il-Ministru Julia Farrugia Portelli introduċiet il-konferenza li saret fl-Auditorium, Ċentru Parrokkjali Ħ’Attard. Hi enfasizzat l-importanza li t-tfal ma jiżżeffnux fin-nofs waqt theddid ta’ bejn il-ġenituri. It-tfal m’humiex ġugarelli li nżejnu bihom, imma huma parti minn ħajjitna, demmna u laħamna.
Trobbija konġunta ugwali mhix ħaġa li tiġi dettata mill-femministi imma hi impenn lejn kawża ġusta. Il-Ministru Farrugia Portelli irringrazzjat lil Happy Parenting Malta talli organizzat din il-konferenza ta’ siwi kbir fuq suġġett tant delikat.
Il-konferenza ta’ Happy Parenting din is-sena kienet dwar parental alienation u t-trobbija konġunta. Meta s-sintomi jintgħarfu kmieni, nistgħu nipprevjenu parental alienation. Idealment kemm il-vittma u kemm il-professjonisti nvoluti jkunu konxji u jieħdu l-passi meħtieġa.
Parental alienation hi kumplessa u mhix xi ħaġa li tikkonfermaha f’laboratorju jew f’rapport minn espert. Imma jista’ jinduna biha min ikun jaf is-suġġett. Pereżempju, meta t-tobba tal-familja jintalbu ċertifikati mediċi li huma jissuspettaw li dawn jistgħu jintużaw minn ġenitur aljentur, għandhom jinvestigaw.
Meta tiġi identifikata kmieni, parental alienation tista’ tiġi ndirizzata permezz ta’ terapija u jiġu evitati spejjeż u programmi ta’ ri-unifikazzjoni li kultant m’humiex prattiċi. Mill-banda l-oħra, hi meħtieġa wkoll trobbija konġunta biex inwaqqfu ż-żerriegħa ta’ parental alienation milli tkompli tikber.
Trobbija konġunta tfisser li ż-żewġ ġenituri jkunu nvoluti sew fit-trobbija tat-tfal. Idealment, il-ġenituri ma jkunux separati, imma l-verità hi li 50% tal-ġenituri huma separati. Għalhekk meta ġenituri jisseparaw għandu jkun hemm żewġt idjar. Żewġt idjar iġibu stabbiltà aktar fit-tul fil-ħajja tat-tfal.
Għalkemm li mmorru minn dar għal oħra jaf tkun ta’ inkonvenjent, ikun wisq aħjar għat-tfal li jkollhom l-imħabba taż-żewġ ġenituri preżenti milli ta’ ġenitur wieħed waqt li l-ieħor ikun ’il-bogħod. Trobbija konġunta kif għandha tkun, hi l-aħjar vaċċin kontra parental alienation.
Matul il-konferenza deher ċar li jekk l-imħallfin fil-qorti tal-familja jkunu nfurmati u edukati, jevitaw sistema kontrarja. Ir-Rumanija mxiet ħafna ’l quddiem aktar minn Malta dwar il-Qorti tal-Familja rigward parental alienation u ġenituri separati.