Friday, May 3, 2024

“Huwa ovvju li m’għandux rispett lejn il-ħajja umana u l-liġijiet”

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Kriminal li kien għadu kemm ħareġ mill-ħabs issuspettat fl-isparatura tal-massa f’Sacramento

Raġel issuspettat responsabbli għall-isparatura tal-massa f’Sacramento li swiet il-ħajja ta’ sitt persuni rriżulta li ftit ġimgħat qabel kien għadu kemm ħareġ mill-ħabs. L-istess kriminal is-sena l-oħra kien ġie rrifjutat milli jingħata l-libertà mill-istituzzjoni korrettiva wara li l-prosekuzzjoni saħqet li dan ir-raġel fiċ-ċar m’għandux rispett lejn il-ħajja umana.

Smiley Martin, ta’ 27 sena, kien arrestat fuq suspett ta’ pussess ta’ arma tan-nar bla permess, kif ukoll pussess illegali ta’ arma tan-nar awtomatika kbira. Ftit sigħat qabel seħħ l-attakk fatali ġimgħa ilu f’Sacramento, l-istess Martin tella’ vidjow fuq Facebook li fih ippoża b’pistola. Din l-informazzjoni ħarġet minn uffiċjali tal-pulizija lokali f’intervista ma’ “The Associated Press”. 

Fir-rapport jingħad li l-pulizija għadhom qegħdin jiddeterminaw jekk il-pistola misruqa li nstabet fuq il-post fejn seħħ l-attakk fatali, kinitx l-arma wżata fil-massakru ta’ nies innoċenti. Din l-istess arma ġiet imbagħbsa b’tali mod li tispara b’mod awtomatiku u għaldaqstant aktar balal setgħu jiġu sparati fl-attakk imdemmi.

Fl-investigazzjonijiet tagħha l-pulizija għadha trid tiddetermina jekk il-pistola ta’ Martin li wera fil-vidjow fuq il-midja soċjali, hiex l-arma wżata f’dan l-attakk. Martin u ħuh kienu fost il-feruti f’din l-isparatura li seħħet fit-3 ta’ April, ftit metri ‘l bogħod mill-Capitol fis-sagħtejn ta’ filgħodu hekk kif kienu għadhom kemm għalqu l-ħwienet tax-xorb u l-klijenti kienu barra fit-toroq. 

“AP News” irrapportat li kien hemm aktar minn 100 sparatura fuq nies li ppruvaw isalvaw ħajjithom billi ġrew u nħbew f’postijiet potenzjalment siguri. L-investigaturi għadhom iridu jaraw jekk ġlieda fit-triq barra ħanut partikolari tatx bidu għal din l-isparatura tal-massa.

L-awtoritajiet lokali identifikaw tliet nisa vittmi – Johntaya Alexander ta’ 21 sena; Melinda Davis ta’ 57 sena u Yamile Martinez-Andrade ta’ 21 sena; u tlett irġiel – Sergio Harris ta’ 38 sena; Joshua Hoye-Lucchesi ta’ 32 sena u De’vazia Turner ta’ 29 sena.

Flimkien ma’ Smiley Martin, 11-il pesuna oħra sofrew ġrieħi. Martin li għandu 27 sena, ġie rikoverat l-isptar u ladarba jirkurpra l-pulizija ħabbru li se jippreżentawlu l-akkużi u jekk ikun b’saħħtu biżżejjed, jitfgħuh il-ħabs..

Sadanittant, ħuh Dandrae Martin ta’ 26 sena, diġà ġie arrestat. L-investigaturi jemmnu li ż-żewġt aħwa subien serqu xi armi tan-nar. Martin kien diġà, għal diversi drabi, xellef dufrejh mal-liġi. L-istorja kriminali tiegħu tmur lura għall-2013. Huwa kien inħareġ bi probation wara li serva nofs sentenza ta’ ħabs li oriġinarjament kienet ta’ 10 snin. Huwa kien instab ħati li ta daqqiet ta’ ponn, kaxkar u sawwat b’ċinturin lill-għarusa li kellu dak iż-żmien. 

Il-prosekuzzjoni kienet diġà tat sinjal ċar tal-periklu li Martin jista’ jkun għas-soċjetà fejn fil-fatt kienet ikkontestat applikazzjoni biex dan il-ħabsi jingħata ħelsien aktar qabel. L-istess prosekuzzjoni kienet wissiet li, “huwa ovvju li Martin m’għandux rispett għall-ħajja umana u għal-liġi”, mentri d-deputat avukat tad-distrett ta’ Sacramento f’ittra lill-bord tal-probation kien sostna li Martin ilu juri l-istess tendenzi kriminali minn mindu kellu 18-il sena. 

Wieħed irid jistenna l-iżviluppi tal-investigazzjonijiet u naraw jekk il-pulizija ssibx provi tanġibbli kontra Martin u ħuħ. L-awtoritajiet għad iridu jaraw jekk dawn iż-żewġt irġiel kienux sempliċiment vittmi preżenti fil-post tal-isparatura tal-massa, jew jekk kienux huma stess li aggredew b’armi tan-nar lill-pubbliku. 

Sport