Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Minn dejjem kelli ġibda specjali lejn il-futbol. Meta kont żgħir kont immur il-grawnd ma’ missieri u kont nuri interess kbir lejn il-logħba u lejn il-plejers. Kont nilghab il-futbol fit-triq ma’ sħabi u meta raw dan l-interess ommi u missieri ddeċidew li jibdew jibgħatuni nilgħab ma’ nursery.
U ta’ sitt snin bdejt immur nitħarreġ man-Nursery tal- Munxar Falcons u mal-istess tim tal- kbar irbaħt il-Kampjonat u t-Tazza tat-Tieni Diviżjoni fl-istaġun 2017/ 2018 fl-etá ta’ 24 sena. Il-futbol għallimni l-importanza tad-dixxiplina u kif immur man-nies.
Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. X’tikkummenta fuq il-fatt li proprju fil-jiem li għaddew ilħaqt it-tragward tat-300 partita fil-karriera tiegħek?
Huwa pass importanti li jġiegħlni nħossni umli … 300 logħba jfissru snin ta’ xogħol, żminijiet tajbin u ħżiena, injuries, rimonti, u ħafna tkabbir. Jien kburi iżda wkoll grat għal sħabi tat-timijiet li lgħabt magħhom u l-kowċis matul iż-żmien u l-partitarji, u kull min appoġġjani. Huwa aktar motivazzjoni biex nibqa’ nitjieb u nkompli nilgħab.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ St Lawrence Spurs.
S’issa għalkemm għadu kmieni ħafna, l-esperjenza tiegħi ma’ dan it-tim hija waħda tajba. Għalkemm huwa kważi tim ġdid diġá tinħass li hemm l-għaqda bejnietna, kemm waqt it-taħriġ kif ukoll fil-grawnd waqt il-logħob. Dan kollu grazzi għall-kowċ u l-kumitat.
Kif qed tħares lejn dan l-istaġun, hekk kif għadna fil-bidu tiegħu?
L-ambizzjonijiet tagħna huma ċari … irridu niġġieldu għal kull Tazza tat- Tieni Diviżjoni, u b’ mod speċjali l-Kampjonat.
Kif tqis il-livell tal-futbol Għawdxi fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?
Ilni 15-il staġun nilgħab ġewwa Għawdex. Kelli l-opportunitá li nilgħab ma’ ħames timijiet fil-karriera tiegħi. Illum il-ġurnata it-taħriġ sar iktar professjonali bi preparazzjoni teknika aħjar, u l-livell tal-plejers barranin huwa aħjar minn
dak tal-passat. Biex tadatta mal-logħba preżenti importanti li plejer jadatta ruħu maż- żminijiet tal-lum.
U dawk tar-riżorsi fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompettitiv tagħkom?
Peressli St Lawrence Spurs għandna grawnd żgħir, tliet darbiet fil- ġimgħa mmorru nagħmlu t-taħriġ tagħna ġewwa grawnds oħra. Rigward fejn jintlagħab il-logħob kompetittiv għandna żewġ grawnds, imma l-Gozo Stadium huwa pitch tajjeb ħafna għax huwa b’ħaxix naturali.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Fil-futbol qatt ma ħarist ‘il bogħod għax l-affarijiet jistgħu jinbidlu mil- lejl għan-nhar. Issa li għandi 32 sena nixtieq li nkompli kemm nista’ nilgħab u nkompli niġġieled għall-unuri tal-futbol f’Għawdex.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Il-messaġġ tiegħi ghal dawk li għadhom ħa jibdew il-karriera tagħhom fil-futbol hu li m’għandhom jaqtgħu qalbjom qatt. Il-futbol jinkludi ħafna sagrifiċċji li għalkemm mhux dejjem tiġik tajba imma m’għandek taqta’ qalbek qatt. Għandek tittrenja u ssegwi dieta tajba, dejjem għandek iżżomm saqajk mal-art u ma tarax kbir. Importanti li timxi id f’id mal-kowċis, għax huma jafu x’inhu l-aħjar għat-tim!