Sunday, December 22, 2024

“Huwa qerq min jitħallas ta’ xogħol li ma jagħmilx”

L-Isqof t’Għawdex, Anton Teuma

Aqra wkoll

F’paniġierku b’messaġġ b’saħħtu ħafna, waqt il-festa tal-Madonna ta’ Loretu f’Għajnsielem, l-Isqof t’Għawdex Anton Teuma tkellem dwar diversi temi fosthom id-dinja tax-xogħol.

Qal li fid-djar tagħna biex ikun hemm il-ferħ hemn bżonn nies li jaħdmu, nies tax-xogħol. “Tgħidlu aħna sirna qisna magna, dejjem għaddejjin bl-addoċċ… iżda jien ngħid hemm bżonn nies fid-djar li jaħdmu.”

Staqsa kemm hawn ħaddiema fosthom fil-gżira Għawdxija li qed jitħallsu għal xogħol li ma jagħmlux. “Imorru fuq il-post tax-xogħol għal ftit minuti, jew ftit sigħat u jmorru jagħmlu xogħol ieħor. Dan hu qerq. Għax mingħajr ma nkunu nafu meta qed nitħallsu ta’ xogħol li ma nagħmlux inkunu qegħdin ngħaddu vizzji ħżiena lil uliedna,” saħaq l-Isqof Teuma f’wieħed mill-aktar messaġġi qawwija li għadda f’dan l-istaġun tal-festi.

Qal li xi kultant aħna nkunu moħħna mistrieħ li deħlin il-flus u ma nkunux nafu li qed innawru l-futur ta’ wliedna. F’tifsira ta’ xi jfisser ix-xogħol, l-Isqof Teuma qal li taħdem tfisser li tkun tagħmel parti minn sistema ta’ belt jew ta’ pajjiż li kulħadd jgħin lil xulxin. “Kull ħaddiema għandu dritt jitħallas għax-xogħol li jagħmel, iżda m’għandux dritt li jitħallas ta’ dak li ma jaħdimx għalih jew ta’ affarijiet li jikseb b’qerq. Ma jistax ikun hemm paċi fid-dar tagħna jekk ma jkunx hemm xogħol dinjituż, u flus li deħlin minn sorsi tajbin,” kompla jgħid.

L-Isqof saħaq li ħafna jġibu l-argument li “ta’ fuqna hekk jagħmlu”. Enfasizza li dan l-argument ma jreġix. “Jekk jagħmlu hekk ta’ fuqna, jagħmlu ħażin, u ma nistgħux nagħmlu bħalhom,” kompla jgħid il-predikatur.

Il-familja tibda tispiċċa meta l-flus jiġu prijorità

Waqt l-istess omelija, l-Isqof Teuma tkellem ħafna dwar il-familja. Ta’ min jgħid li qabel ma ġie kkonsagrat Isqof, Anton Teuma kien jaħdem ħafna mal-familji li jkunu għaddejjin b’mumenti diffiċli.

Saħaq li meta l-flus jew ix-xogħol isiru l-ewwel prijorità, allura l-membri kollha tal-familja jibdew jaraw ir-relazzjoni tispiċċa. Qal li tara ġenituri li jkollhom l-ulied li wara ftit ġimgħat li jitwieldu “jipparkjawhom” xi mkien biex huma joħorġu jaħdmu bl-iskuża li għandhom bżonn il-flus għall-familja. Qal li “aħna nġibu t-tfal fid-dinja biex inkunu parti minn familja, u mhux biex jagħtuna status ta’ ġenituri li mbagħad l-ewwel ċans li jkollna nipparkjaw lit-tfal ‘l hemm u ‘l hawn bl-iskuża li għadna bżonn nistrieħu ftit jew għax ġennewna”.

Staqsa dwar jekk l-Anġlu tal-Mulej iżur id-djar tagħna bħalma għamel lil Marija, x’se jsib fid-djar tagħna? “Isib diffikultajiet ta’ mard, problemi ta’ saħħa, problemi kemm dawk li jmissu l-moħħ u anke tal-ġisem … isib diffikultajiet ta’ relazzjonijiet, nies ma jitkellmux ma’ xulxin, aħwa li għandhom xi jgħidu dwar xi wirt,” tenna l-Isqof Tuema.

Fl-istess waqt qal li l-Anġlu tal-Mulej jidħol fid-djar u għadu jsib ukoll nies jistinkaw biex jagħmlu familja mid-dar tagħhom, relazzjonijiet ta’ veru, raġel u mara maturi li jgħixu fl-imħabba ma’ xulxin.

“L-Anġlu tal-Mulej jixtieq li jidħol fid-djar tagħna u jsib il-ferħ. U jekk mhux qed isib il-ferħ, allura rridu nħallu lil Alla jidħol aktar fid-djar tagħna, għax dan Alla jġib miegħu l-ferħ,” tenna l-Isqof Teuma.

Tkellem dwar il-bżonn li kull ħaddiem ikollu ħin biżżejjed biex jistrieħ. Saħaq li l-mistrieħ huwa essenzjali għal kulħadd. Qal li naqas sew il-ħin li wieħed jirrilassa mal-familja tiegħu … lanqas ħin għall-irqad mhu qed ikollna … u l-irqad hu bżonn u mhux mistrieħ. “Ma nistriħux għax irridu l-flus, irridu nkunu komdi malajr, u jekk nieqfu mix-xogħol naqgħu fi kriżi … il-flus għandhom jibqgħu mezz u mhux skop. Jekk il-flus isiru skop, allura ħajjitna tiġi mhedda.”

Ekonomija

Sport