Friday, July 31, 2026
Home Sport ‘Huwa ta’ unur kbir li tara li klabb li tant huwa għal...

‘Huwa ta’ unur kbir li tara li klabb li tant huwa għal qalbek jirbaħ ħaga storika – ir-rebħ ta’ tliet shields speċjalment li kont parti mit-tim’ – Yarik Agius

0
44

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn ir-Regatta?

L-imħabba tiegħi lejn ir-regatta bdiet billi kont inkun il-Ponta tal-Isla ma’ missieri, u kienu qaluli biex ninżel coxwin. Inżilt u l-qaddiefa dejjem kienu jgħiduli għal xi qadfa u l-hajra li naqdef dejjem bdiet tiżdied. 

X’tikkummenta fuq ir-rebħ tax-Shields kollha mill-Isla Regatta Club matul ir- Regatta ta’ Jum il-Vitorja li għaddiet?

Ir-rebħ tax-shield hija l-akbar sodisfazzjon li qaddief jista’ jkollu wara sena sħiħa taħrig kontinwu. Huwa ta’ unur kbir li tara li klabb li tant huwa għal qalbek jirbaħ ħaga storika – ir-rebħ ta’ tliet shields speċjalment li kont parti mit-tim. Hija emozzjoni kbira meta tara l-partitarji tant ferħanin! 


Kif tqis il-livell tar-Regatta f’pajjiżna?

Jiena nemmen li l-livell tar-regatta speċjalment fil-Kottonera huwa għoli ħafna u kull klabb ikun armat biex ikun ta’ sfida. Nispera li l-awtoritajiet jieħdu ħsieb li din it-tradizzjoni ma tintilifx.

X’tikkummenta fuq l-organizzazzjoni tar-Regatta Nazzjonali?

Jiena nahseb li hemm ħafna affarijiet li jistgħu jitranġaw bħala organizzazzjoni. Fir-Regatta qed naraw affarijiet li qatt ma rajna bħalhom speċjalment id-dewmien esaġerat li aħna bħala qaddiefa u coxwins nagħmlu tul ta ħin fuq l-istart għalxejn. Prova ċara ta’ dan hija li l-aħħar tiġrija li kienet deċiżiva fejn kellha tmur ix-shield saret fid-dlam. Dan nemmen li hu nuqqas ta’ rispett lejna l-qaddiefa wara sena sħiħa ta’ sagrifiċċji aħna u l-familji tagħna.

Kif qed thares lejn il-futur tiegħek fir-Regatta?

L-għan tiegħi huwa dak li nibqa’ nittrenja biex dejjem inkun ta’ sfida għal ħaddieħor.

Għaddi messaġġ finali lil kull min jixtieq jibda jieħu sehem fir-Regatta billi jingħaqad ma’ xi klabb lokali.

Ir-Regatta huwa sport mill-isbaħ li jinvolvi sagrifiċċju, dedikazzjoni u li ma taqta’ qalbek qatt, ikun xi jkun ir-riżultat!