Tuesday, May 13, 2025

Huwa unur għalija li ngħin lil dawn iż-żgħażagħ jiżviluppaw bħala plejers – Natalie Farrugia  

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-basketball?

Bdejt nipprattika l-basketball meta kelli 16-il sena mat-tim tas-Siġġiewi. Dak iż-żmien ma kienx hawn kompettizzjonijiet ta’ taħt id-19-il sena u t-23 sena iżda kien hawn biss it-Tieni u l-Ewwel Diviżjoni u b’hekk ħadt ħafna esperjenza u bdejt niddedika ħafna mill-ħin tiegħi għal dan l-isport. Bqajt mal-klabb tas-Siġġiewi BC sas-sena 1992 fejn magħhom irbaħt kull unur li joffri l-basketball. Minn hemm ingħaqadt mat-tim tal-Hiberians BC fejn tul is-snin kollha li għamilt hemm irbaħna kull kompettizzjoni li joffri l-basketball Malti. 

L-imħabba tiegħi lejn dan l-isport baqgħet tikber, u fil-fatt kont nifforma parti mit-tim nazzjonali diversi drabi. Mument li jispikka għalija huwa meta fl-1993 konna rbaħna l-midalja tal-bronż. Naħseb li dan kien mument importanti fejn il-basketball, speċjalment is-sezzjoni tan-nisa, ħadet spinta ‘l quddiem.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek bħala kowċ tat-tim ta’ taħt l-14-il sena ta’ Hibernians BC.

L-ewwel esperjenza ta’ kowċ mal-Hibernians kienet snin ilu meta bdejt nikkowċja lill-U10 fin-nursery.  Wara xi snin bdejt nikkowċja lill-U14 fejn irbaħna l-kampjonat tliet darbiet wara xulxin fl-2015, 2016, u 2017. Dan kien ta’ sodisfazzjon kbir għalija li nara żgħażagħ dedikati jagħtu qalbhom għal dan l-isport u jirbħu dak li jkunu ħadmu għalih. Kont waqaft għal xi snin minħabba diversi raġunijiet, iżda meta s-sena l-oħra reġgħet ġiet l-opportunitá biex nerġa’ nikkowċja lit-tim tal-U14, ma tantx tajtha ħsieb għax huwa unur għalija li ngħin lil dawn iż-żgħażagħ jiżviluppaw bħala plejers.

X’taħseb li kien is-sigriet tas-suċċess wara r-rebħ tal-kampjonat fil-jiem li għaddew?

Is-sigriet huwa li kelli grupp ta’ żgħażagħ li matul l-istaġun dejjem urew dedikazzjoni u kienu lesti jagħmlu s-sagrifiċċji meħtieġa biex jattendu għat-taħriġ, filwaqt li dejjem kienu determinati li jagħtu dak kollu li jistgħu biex jirbħu kull logħba. Fil-fatt, tant kienu dedikati għal din ir-rebħa finali, li naħseb li kieku setgħu fl-aħħar ġimgħa kienu jorqdu fit-training courts tagħna.  Hawn nixtieq nieħu din l-opportunitá biex nirringrazzja lill-ġenituri li kienu dejjem hemm għat-tfal biex iwassluhom għat-taħriġ u kienu ta’ sapport kontinwu matul l-istaġun. Grazzi għalihom dawn it-tfal jistgħu jiprrattikaw u jkomplu jiżviluppaw fl-isport li tant iħobbu.

X’tikkummenta fuq il-livell tal-basketball f’pajjiżna fil-preżent?

Il-livell tal-basketball f’pajjiżna qiegħed dejjem jikber. Dan huwa ċar meta tara żgħażagħ ta’ din l-etá jilagħbu. It-talent li għandhom jagħtini kuraġġ għall-futur tal-basketball f’pajjiżna.

U dak tar-riżorsi fejn il-plejers jitħarrġu u jkollhom il=kompetizzjonijiet uffiċjali tagħhom?

Bħala riżorsi il-klabb tal-Hibernians għandu court tal-basketball fejn iż-żgħażagħ tagħna jistgħu jittrenjaw minn tal-inqas darbtejn fil-ġimgħa.  Rigward fejn isiru il-kompettizzjonijiet f’Ta’ Qali, dan l-aħħar snin sar investiment kbir mill-assoċjazzjoni.  Sar investiment ukoll b’żewġ training courts fejn fihom isiru t-tournaments tal-U8, U10 u U12.  F’dawn it-training courts issir fihom ukoll il-kompettizjoni tal-U14.

Kif qed tħares lejn il futur tieghek fil basketball?

Fil-futur nispera li nkompli nikkowċja u nagħti dak li tgħallimt matul is-snin filwaqt li nrawwem l-imħabba tal-basketball f’dawn iż-żgħażagħ.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jipprattika l-basketball u jkollu karriera ta’ suċċess f’dan l-isport.

Il-logħba tal-basketball, lili bħala plejer tatni sodisfazzjon kbir.  Nista’ ngħid li kienet it-tieni familja tiegħi.  Lil min jixtieq jibda jipprattika l-basketball ngħidlu li dan l-isport jgħinek fid-dixxiplina personali, fit-‘time management’ u biex tagħmel ħbieb li jibqgħu għal dejjem.  Biex ikollok suċċess f’dan l-isport jirrikjedi li tipprattikah u tiddedika l-ħin għalih iżda nemmen li jekk tħobb dak li tkun qed tagħmel, dan jiġi naturali.  U kif dejjem ngħid lill-plejers tiegħi qabel kull logħba … l-iktar ħaġa importanti hi li tieħu gost tilgħab l-logħba tal-basketball!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport