Kif spiċċaw il-ħwienet tal-kotba! Kemm ili mmur Brussell dawn l-aħħar għaxar snin, ħamsa għal sitt ħwienet li kont niffrekwenta għalqu. Fi Strasburgu fl-istess żmien għalqu tnejn għal tlieta. In-numru tagħhom mhux fiss għax hemm ħwienet li minflok jagħlqu, jdaħħlu linji ġodda ta’ kummerċ barra l-kotba tant li dawn jispiċċaw “minoritarji” fl-istess ħanut li suppost dedikat għalihom.
F’Malta m’aħniex sejrin aħjar. Anke l-aktar ħanut tal-kotba ċentrali fi Triq ir-Republika l-Belt spiċċa qisu bażar waqt li talanqas żewġ ħwienet oħra magħrufa għall-bejgħ tal-kotba hemm ilhom li għalqu. Sadattant l-Università ta’ Malta saret post fejn ma jsirx bejgħ ta’ kotba, għax il-ħwienet li kienu fil-qrib jew ġo fiha għebu.
Igħidulek: x’inhi l-problema? Ara kemm tista’ tixtri – b’mod faċli – kotba online! Skużi, mma mhijiex l-istess ħaġa.
Il-problema tapplika wkoll għall-gazzetti. Biss, f’Malta u barra, dawn qed jersqu dejjem aktar lejn publikazzjoni elettronika. Il-kotba għadhom qed jinħarġu stampati bħala kotba.
BIEDJA
Kien ilu li wasal iż-żmien biex il-biedja Maltija turi fil-publiku d-dwejjaq tagħha. Fl-aħħar għamlitu waqt li mal-Ewropa kollha l-bdiewa ħarġu jipprotestaw għal kif il-politika Ewropea qed tolqothom.
Li għaġġibni iżda kien kien kif il-protesta tal-bdiewa Maltin ħadet l-istess lingwaġġ tal-protesti Ewropej. It-tifsira li ngħatat tad-dwejjaq Maltin kienu verżjoni “copy and paste” tal-istqarrijiet tal-bdiewa Ewropej. Mhux għax il-fatturi li qed idejqu lill-bdiewa Ġermaniżi u Franċiżi ma jaffettwawx lil dawk Maltin. Imma aktar minn hekk f’Malta, l-għafsa tad-dwejjaq ġejja minn kif is-sħubija stess fl-Unjoni Ewropea qed teqred il-biedja Maltija.
Dawk li jipprovaw jaħirbu dir-realtà se jgħidu mod ieħor. Mhux fl-interess tal-bdiewa li jgħidu bħalhom.
KAMPANJA
Wieħed jifhem u jaqbel għaliex il-kampanji fil-pajjiżi membri għal min se jittella’ fil-Parlament Ewropew bilfors jispiċċaw iċċentrati fuq kwistjonijiet nazzjonali. Jaħti l-fatt li kwistjonijiet Ewropej jinħassu mbiegħda mill-interess taċ-ċittadini li ftit li xejn jifhmuhom.
Biss huma importanti ħafna fit-tfassil ta’ linji politiċi u ekonomiċi li iva, jaffettwaw bil-kbir il-ħajja tal-poplu. Għandhom jiġu diskussi u mgħarbla b’mod publiku għax partiti differenti f’livell Ewropew jieħdu pożizzjonijiet kuntrastanti u joffru għażla. Il-votanti jridu f’xi ħin jingħataw ċans jifhmu x’se jkunu l-għażliet il-kbar fl-Ewropa fil-ħames snin li ġejjin, u dan lil hinn mit-tilwim partiġġjan li jkun għaddej fostna, bħal ma jkun għaddej fil-bqija tal-Ewropa.
Jiddispjaċini ninnota madankollu li dan mhuwiex isir. Il-kampanja għall-elezzjoni fil-Paralament Ewropew irid ikollha dimensjoni soda li fiha l-kandidati jistgħu juru ma’ xhiex jaqblu u ma xhiex ma jaqblux f’dak li jkun qed jitħassel fi Brussell u Strasburgu.