Saturday, November 23, 2024

Hydro-ambulance u rescue jet ski jiżdiedu mal-flotta ta’ vetturi ta’ salvataġġ tal-ERRC

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli u l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ltaqgħu ma’ rappreżentanti tal-organizzazzjoni volontarja Emergency Response and Rescue Corps (ERRC) ibbażata f’Għawdex. Dan hekk kif l-ERRC żiedet uffiċjalment il-faċilitajiet tagħha bl-introduzzjoni ta’ hydro-ambulance mibnija speċifikament għal dan il-għan, u rescue jet ski.

Il-faċilitajiet il-ġodda tnedew fil-port tal-Imġarr mill-Ministru Farrugia Portelli u mill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri.

Għal dawn l-aħħar disa’ snin, l-ERRC provdiet servizzi professjonali ta’ lifeguard fil-ħames bajjiet f’Għawdex u tnejn f’Kemmuna.

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli qalet kif, matul is-sajf tas-sena 2019, l-ERRC assistit 6,823 individwu f’każijiet li kienu jvarjaw minn feriti ħfief għal oħrajn li kienu jeħtieġu li l-persuni assistiti jittieħdu l-isptar b’emerġenza. Spjegat kif, b’investiment ta’ €350,000 mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, l-ERRC se tkun qed tara li s-servizz li toffri f’Għawdex u Kemmuna jkun wieħed eċċellenti, fejn il-pazjent jintlaħaq fl-inqas ħin possibbli. Fil-fatt, mill-port tal-Imġarr għal Kemmuna l-vjaġġ jieħu inqas minn żewġ minuti.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li kif jafu bosta s-servizz ta’ salvataġġ, speċjalment fi żminijiet fejn ħafna nies jiffrekkwentaw il-bajjiet tal-gżejjer tagħna u joħorġu bid-dgħajjes tagħhom, huwa importanti ħafna. Huwa faħħar l-ERRC għas-servizzi professjonali li ilhom joffru għal dawn l-aħħar disa’ snin, kemm ta’ salvataġġ, kif ukoll sabiex jipprevjenu sitwazzjonijiet ta’ emerġenza f’ħames bajjiet f’Għawdex u f’żewġ bajjiet f’Kemmuna. Hawnhekk, il-Ministru Camilleri rringrazzja lill-Emergency Response and Rescue Crops li ħassew il-bżonn li jinvestu f’hydro-ambulance ġdida mibnija apposta biex tintuża għal inċidenti madwar il-kosta ta’ Kemmuna u Għawdex, kif ukoll rescue jet ski biex jintuża sabiex ikunu assistiti mingħajr telf ta’ żmien individwi li jsibu ruħhom f’diffikultà.

Is-Sur Paul Parnis li huwa water rescue supervisor fl-ERRC stqarr kif l-għan ewlieni tal-ERRC huwa li tippreveni u ttaffi sitwazzjonijiet fejn ikun hemm nies fil-periklu.

Min-naħa tiegħu, Mons. Joe Vella Gauci, il-President tal-ERRC, qal kif il-livell għoli ta’ servizz kisbilha l-għarfien internazzjonali u hija membru assoċjat tal-International Life Saving Federation.

Sport