Thursday, October 10, 2024

Sessjonijiet prattiċi ta’ rkupru mill-ITS

Aqra wkoll

Waqt konferenza stampa li saret fl-Istitut tal-Istudji Turistiċi (ITS) fil-kampus tal-Qala, Għawdex, il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli ħabbret it-tnedija tas-sessjonijiet prattiċi ta’ rkupru bħala parti minn programm vokazzjonali tal-ITS li oriġinarjament kellhom isiru fit-tieni semestru tas-sena akkademika preċedenti, iżda li kellhom jiġu sospiżi minħabba l-pandemija. Is-sessjonijiet se jibdew mit-Tlieta, 1 ta’ Settembru 2020. Mal-179 student mistennija jagħmlu użu minn dawn is-sessjonijiet, li jammontaw għal 160 sessjoni fi tliet materji differenti. 

L-ITS kienet l-ewwel istituzzjoni edukattiva li immedjatament wara l-għeluq tal-istituzzjonijiet edukattivi f’Marzu li għadda minħabba l-COVID-19 nediet online l-lezzjonijiet għall-istudenti tagħha. 

Il-Ministru Farrugia Portelli enfasizzat li l-element prattiku huwa kruċjali fl-edukazzjoni tal- ospitalità li tipprovdi l-ITS. Għaldaqstant, sa mill-ewwel ġurnata li għalqu l-iskejjel fuq struzzjonijiet tal-Awtoritajiet tas-Saħħa, it-tim eżekuttiv u maniġerjali tal-Istitut ħadem bis- sħiħ biex jipprovdi soluzzjoni għal din is-sitwazzjoni biex l-istudenti jirkupraw it-tagħlim prattiku mistenni mill-programmi vokazzjonali rispettivi. 

Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li l-pjan ta’ rkupru ta’ dawn is-sessjonijiet prattiċi jsegwu b’mod strett il-linji gwida maħruġa mill-Awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika biex tiġi salvagwardjata s-saħħa ta’ dawk kollha involuti, inkluż l-istudenti, il-letturi, l-istaff akkademiku u dak amministrattiv. 

L-Istitut tal-Istudji Turistiċi ppubblika wkoll protokolli speċjalizzati fid-dawl ta’ dawn is- sessjonijiet li jmorru lil hinn mil-linji gwida maħruġa mill-Awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika. Dan biex jigi żgurat ambjent ta’ saħħa u sigurtà assoluta għall-individwi involuti f’din l-attività. 

Il-Ministru rringrazzjat lill-unjin tal-għalliema li ħadmet bis-sħiħ mat-tim eżekuttiv tal-ITS biex tiżgura li l-protokolli u l-linji gwida jiġu implimentati bl-aktar mod effiċjenti u jitnaqqas kull riskju possibbli. 

Ic-chairman tal-ITS is-Sur Carlo Micallef irringrazzja lit-tim kollu tal-ITS li ħadem matul is- sajf biex jiżgura l-operat mingħajr problemi ta’ dawn is-sessjonijiet. Is-Sur Micallef wera wkoll apprezzament għall-ħidma li saret bi preparazzjoni għax-xhur li ġejjin, fejn għal darb’oħra l-ITS se tkun qed tilqa’ mijiet ta’ studenti f’kull programm li hija se tkun qed toffri minn Ottubru li ġej. 

Sport