Malta kisbet rebħa storika fil-Kampjonati Ewropej tal-SB20, hekk kif it-tim BOOST Stella Maris rebħu l-Kampjonati Ewropej ta’ din il-klassi ġewwa Ostende, il-Belġju.
It-tim li kien qed jirrappreżenta lir-Royal Malta Yacht Club u lis-SB20 Malta Association, kien magħmul il-kaptan Gabriella Mifsud u Anna Basalkina, Mattea Ciantar u Emilie Gregory li taw wirja impressjonanti mifruxa fuq tlettax-il tellieqa, li kollha kienu kompetittivi ħafna.
Il-klassi SB20 hija waħda mill-aktar klassijiet tal-keelboat kompetittivi internazzjonalment, fejn jikkompetu kemm baħħara professjonali kif ukoll dilettanti. Magħrufa għar-regolamenti stretti ta’ “one-design”, din il-klassi tagħti importanza lejn il-ħidma bħala tim, it-tattika u l-ħiliet, aktar milli fuq vantaġġi tekniċi, u b’hekk tagħmilha waħda mill-aktar klassijiet eċċitanti u aċċessibbli fil-kalendarju internazzjonali tal-ibburdjar.
Il-parteċipazzjoni tagħhom fil-Kampjonat Ewropew sarat wara r-rebħa tagħhom fil-Kampjonat Nazzjonali Malti tal-SB20, fejn huma ddominaw il-kampjonat lokali.
It-tim spiċċa fit-13-il post overall, fejn ikkompeta kontra flotta internazzjonali b’saħħitha magħmula minn baħħara ta’ esperjenza kbira fil-klassi SB20. Minkejja bidu diffiċli – huma kisbu t-32 post fl-ewwel tellieqa nhar it-Tnejn, it-tim Malti wera reżiljenza kbira. B’determinazzjoni, huma bdew jitilgħu fil-klassifika fejn taw prestazzjoni ffukata u magħquda. Huma spiċċaw fil-ħames post fl-aħħar tellieqa.
Ta’ min jinnota li kien hemm ukoll il-kundizzjonijiet diffiċli li kienu ferm differenti minn dawk li huma familjari magħhom f’Malta. ’Il bogħod mill-ambjent Mediterranju tagħhom, it-tlielaq rawhom jaffrontaw mewġ ta’ madwar 1.3 metri, u mbatt mill-Atlantiku, kurrenti qawwija, u riħ medju. L-abbiltà tagħhom li jadattaw malajr għal dawn il-kundizzjonijiet kienet ċavetta għas-suċċess tagħhom.
Għalkemm relattivament ġodda fil-klassi SB20, it-tim għandhu esperjenza vasta fl-ibburdjar, inkluż esperjenza tar-Rolex Middle Sea Race. Il-kapaċità tagħhom li jadattaw malajr u jżommu l-konsistenza kienet fundamentali għar-riżultat miksub.
Meta tkellmet wara l-avveniment, il-kaptan Gabriella Mifsud qalet:
“Dan huwa mument importanti kemm għalina, kif ukoll għal Malta. Bħala tim magħmul kompletament min-nisa ridna nuru li b’ħidma iebsa, attenzjoni u determinazzjoni nistgħu nikkompetu fl-ogħla livell. Li nirbħu t-titlu Ewropew wara bidu tant diffiċli huwa kisba enormi u nittamaw li jispira aktar nisa biex jidħlu fid-dinja tal-ibburdjar.”
Dan ir-riżultat, l-ewwel wieħed ta’ dan it-tip għal tim Malti tal-SB20, jirrifletti l-esperjenza fl-ibburdjar f’Malta u d-determinazzjoni tal-atleti nisa tagħha, u jsaħħaħ l-isem ta’Malta fost in-nazzjonijiet Ewropej kompetittivi f’dan l-isport.
It-tim BOOST Stella Maris jesprimi r-ringrazzjament tiegħu lejn SportMalta li għamlu possibbli l-parteċipazzjoni tat-tim, kif ukoll lejn l-SB20 Malta Association u Boost għall-appoġġ tagħhom li wassal għal din il-kisba.