VITAE kien l-isem il-ġdid tal-jott għal dawn l-aħħar erba’ snin biss u minn meta reġa’ twieled b’din l-identitá kien familjari mal-membri tal-Malta Cruising Club partikolarment ma’ dawk li jipparteċipaw fil-Falken Tyres “Sette Giugno” Pozzallo Cruise.
Qabel il-bidu tal-2019 dan il-jott tal-qlugħ kien jisimha Ceyar, li b’mod tal-għajb kien wieħed mid-dgħajjes użati għat-traffikar ta’ ħajjiet umani fil-Mediterran qabel ma eventwalment inqabad fl-ibħra territorjali ta’ Siracusa.
Wara talba mis-sezzjoni ta’ Pozzallo tal-Lega Navale Italiana, il-Procura della Repubblica di Siracusa (Prosekutur Pubbliku ta’ Siracusa) fdat it-taqsima bil-kustodja tal-jott biex jintuża għall-attivitajiet uffiċjali tal-assoċjazzjoni, impenjata li tiddefendi l-kultura tal-baħar u rispett għall-ambjent permezz ta’ konferenzi fl-iskejjel, preżentazzjonijiet u inizjattivi soċjali bl-istudenti bħala protagonisti.
U tabilħaqq kien waqt il-Falken Tyres “Sette Giugno” Pozzallo Cruise tal-2019, fil-preżenza tal-membri tal-MCC, li VITAE, Bavaria 42, reġgħet tniediet wara xogħol estensiv ta’ tiswija u rranġament li sar fit-tarzna Ocean Plastic ta’ Pozzallo. Fil-fatt il-proġett bl-isem “Qlugħ għall-Ħajja” kien appoġġjat b’donazzjonijiet minn Caffè Moak.
Bħala riżultat tal-pandemija tal-Covid-19 l-edizzjonijiet tal-2020 u l-2021 tal-Falken Tyres “Sette Giugno” Pozzallo Cruise, bħall-biċċa l-kbira tal-attivitajiet u l-avvenimenti l-oħra, kellhom jiġu kkanċellati. Iżda din is-sena l-aktar regatta popolari tal-Club, tabilħaqq programm rilassanti fuq l-art ta’ tlett ijiem pjaċevoli għall-kaptani kollha, l-ekwipaġġ u l-familji tagħhom fir-reġjun ta’ Ragusa reġa’ sar possibbli.
Dan il-qawmien ġab lura l-kollaborazzjoni entużjasta tal-Lega Navale Italiana (Sezione di Pozzallo) u l-patroċinju stmat tal-Comune di Pozzallo. Għal din it-8 Edizzjoni, skedata li ssir bejn l-4 u s-7 ta’ Ġunju, VITAE se jbaħħar lejn Malta jumejn qabel id-data tat-tluq u jsalpa lura lejn Pozzallo fuq quddiem tal-jottijiet tal-Malta Cruising Club li qed jieħdu sehem fil-Falken Tyres “Sette Giugno” Pozzallo Cruise 2022. Filwaqt li tkun f’Malta s/y VITAE se jkun estiż irmiġġ kumplimentari minn Creek Developments Plc.
Il-Falken Tyres “Sette Giugno” Pozzallo Cruise ta’ 93 km hija sponsorjata għat-tieni sena minn Falken Tyre Europe, rappreżentata f’Malta minn Standard Limited ta’ Santa Venera.