Saturday, May 18, 2024

L-Università ta’ Malta jaħsdu liċ-champions u jirbħu l-E & L Futsal Trophy

Aqra wkoll

L-Università ta’ Malta rebħu l-E & L Futsal Trophy meta kontra kull mistenni għelbu liċ-champions Luxol St Andrews bl-iskor ta’ 6-2.

Din kienet l-ewwel telfa għal Luxol wara aktar minn tliet snin. F’din il-finali li ntlagħbet fil-Padiljun tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport huma sabu l-iebes kontra avversarji ferm determinati u fejn apparti d-difiża tal-azzar li kellhom, spikka l-gowlkiper tagħhom Dylan Cacciatolo li laqa’ kull ma ġie għal idejh.

B’hekk Luxol fallew milli jagħmlu d-double wara li aktar qabel rebħu l-kampjonat b’punti massimi.

Luxol kellhom bidu mill-aqwa u marru fil-vantaġġ permezz tal-captain tagħhom Mark Zammit li b’xutt fil-baxx għeleb lil Cacciatolo.

Minkejja kollox, l-Universita’ baqgħu konċentrati u ġabu l-iskor indaqs meta Cleaven Portelli avvanza tajjeb mix-xellug u b’xutt fil-baxx għar-rokna għeleb lill-gowlkiper Camilleri.

Bl-ewwel taqsima tagħlaq 1-1.

Fit-tieni taqsima, Luxol bdew tajjeb u reġgħu marru minn fuq wara li ngħataw penalty meta Stefan Camilleri waqqa’ lil Dylan Musu. Mis-sitt metri kien Everton Veve li xeħet il-ballun fix-xibka.

L-Universitá qatt ma’ qatgħu qalbhom u dlonk ġabu l-iskor indaqs b’xutt mill-isbaħ ta’ Guillherme Fonseca li ħasad lil Stefan Vella.

It-tim immexxi minn Nicola del Re beda jemmen li jista’ jieħu xi ħaġa minn din il-partita u marru għall-ewwel darba fil-vantaġġ grazzi għal Steven Camilleri li kompla għal ġewwa wara pass ta’ Stefan Camilleri.

Kien hawn li l-kowċ ta’ Luxol Gabriel Dobre ħareġ b’Dylan Musu bħala l-flying keeper fit-tentattiv li jġibu l-iskor indaqs.

L-Universita’ ħadu vantaġġ minn dan kollu u skorjaw tliet gowls f’temp ta’ ftit minuti permezz ta’ Dale Valletta, Cleaven Portelli u Steven Camilleri għal skor finali ta’ 6-2.

Luxol baqgħu jippruvaw sal-aħħar u laqtu l-lasta b’xutt ta’ Dylan Musu.

Tmiem il-partita kien ifisser ċelebrazzjoni għall-plejers, diriġenti u partitarji numerużi tal-Universita’ bil-qofol jintlaħaq meta Liam Camilleri, rappreżentant mid-ditta E & L ippreżenta t-trofew lill-captain tal-Universita’ ta’ Malta Dylan Cacciattolo.

Luxol: Bernard Camilleri, Celino Alves, Matthew Attard, Mark Zammit, Andy Mangion, Clint Mifsud, Stefan Vella, Everton Veve, Melvin Borg, Marwan Telisi, Nathan Cope, Dylan Musu.

L-Universita’ ta’ Malta: Dylan Cacciattolo, Guillherme Fonseca, Cleaven Portelli, Stefan Camilleri, Steven Camilleri,, Ryan Scerri, Timothy Vella, Neil Cauchi, Deane Farrugia, Jean Noel Azzopardi, Paul Scerri, Mohammed Elamari, Dale Valletta.

Referees: Clint Cassar, Andrea Naudi, Stephen Vella

Time-keeper: Tesmarie Busuttil

Sport