Saturday, May 4, 2024

Tennis – French Open: Alexander Zverev fis-semifinali għat-tieni sena nfila

Aqra wkoll

Fil-French Open, it-tielet seed, Alexander Zverev, wasal sas-semifinali għat-tieni sena konsekuttiva wara li rreżista r-rimonta taż-żagħżugħ sensazzjonali Spanjol, Carlos Alcaraz.

Waqt li kompla t-tfittxija tiegħu għall-ewwel titlu tal-Grand Slam, Zverev rebaħ 6-4 6-4 4-6 7-6 (9-7) kontra s-seed numru 6, u fis-semifinali ta’ għada jiltaqa’ kontra Na­dal.

Il-Ġermaniż ta’ 25 sena serva bil-qawwa u kien mill-aqwa minn wara l-court, iżda Alcaraz, ta’ 19-il sena, għamel wisq żbalji.

“Kont naf li kelli nilgħab l-aqwa tennis tiegħi assolut mill-bidu,” qal Zverev. Huwa player inkredibbli u jien għedtlu fix-xibka li se jirbaħ dan it-tournament ħafna drabi, mhux darba biss.

“Nittama li qabel jagħmel dan nista’ nirbaħ darba qabel ma jibda jirbaħ u jegħlibna lkoll.”

Il-koppja pproduċew l-ogħla kwalità tal-konfront kollu fost it-tensjoni, bi Zverev jieħu t-tieni match point tiegħu b’backhand rebbieħ ħelu.

“Kelli nibqa’ kalm matul il-partita kollha, minkejja li nħoss li ħlejt ċansijiet lura fit-tielet set,” żied jgħid.

In-numru tlieta tad-dinja, Zverev, tilef kontra l-Grieg, Stefanos Tsitsipas, fis-semifinali tas-sena l-oħra u wasal fl-istess stadju billi pproduċa l-aqwa prestazzjoni tiegħu f’dan it-tournament.

Issa, wara li għeleb lil Alcaraz biex kiseb l-ewwel rebħa tiegħu fuq l-aqwa 10 avversarju f’tournaments maġġuri, Zverev se jimmira li jmur pass ’il quddiem.

Iċ-champion Olimpiku tilef tlieta mill-erba’ semifinali maġġuri preċedenti tiegħu, u meta għamel progress, ġie megħlub fil-finali tal-US Open tal-2020 mill-Awstrijak Dominic Thiem.

SWIATEK v KASATKINA FIS-SEMIFINALI FEMMINILI

L-aħħar żewġ players li għaddew għas-semifinali femminili huma l-Pollakka Iga Swiatek u r-Russa Daria Kasatkina, li eliminaw lill-Amerikana Jessica Pegula u lir-Russa l-oħra,Veronika Kudermetova.

Il-player numru wieħed tad-dinja, Swia­tek, ikklerjat ostaklu ieħor lejn t-titlu tal-French Open meta għelbet lis-seed numru 11, l-Amerikana Jessica Pegula bil-punteġġ ta’ 6-3 6-2 għat-33 rebħa konsekuttiva tagħha u jekk is-Sibt tirbaħ it-titlu tkun laħqet ir-rekord ta’ 35 f’dan is-seklu li jinsab għand Serena Williams.

Issa ilu ftit żmien li kien hemm favorita daqstant ċara bħar-rebbieħa tal-2020 f’Roland Garros minn Swietek.

Għal Kasatkina, 25 sena, se tkun l-ewwel semifinali tagħha tal-Grand Slam bir-rebħa tiġi miksuba f’żewġ sets bil-punteġġ ta’ 6-4 7-6 (7-5). Hija rebħet l-ewwel set kontra x-xej­ra tal-logħob aggressiv mill-kompatrijotta Russa, u fit-tieni ż-żewġ players bdew jaqsmu l-breaks fis-service.

Kasatkina, li kienet qed tilgħab it-tielet kwarti-finali tal-Grand Slam iżda l-ewwel mill-2018, tinsab fl-aħħar erbgħa mingħajr ma tilfet set.

Sport