Friday, April 11, 2025

Ibqa’ stinka u dejjem emmen fik innifsek, filwaqt li tibqa’ umli – Timmy Agius

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-waterpolo?

Minn dejjem kont inħobb l-isports u kont nilgħab il-futbol fix-xitwa u fis-sajf il-waterpolo, imma mbagħad taħt il-gwida ta’ Kurt Dowling bdejt nieħu dan l-isport aktar bis-serjetà u qatt ma ħarist lura.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Exiles SC sa issa.

Kien faċli ħafna biex nissetilja u qed nieħu gost ħafna nilgħab ma’ membru tat-tim Alan Borg Cole u wkoll ma’ ħabib speċjali Kurt Griscti. Ma nistax ma nsemmix ukoll ir-relazzjoni tajba li għandi mal-kowċ Niki Lanzon, li kien il-captain tiegħi għal ħafna snin u li minnu tgħallimt ħafna u għadni nitgħallem minnu, kemm fl-ilma u anke barra mill-ilma.

X’inhuma t-tragwardi tagħkom għas-sajf li ġej?

L-għan tagħna huwa li nilagħbu fil-Premier Division fis-sajf li ġej. Nafu li din hija ambizzjoni kbira, iżda kif inhu dan l-istaġun nafu li kollox huwa possibbli. L-iktar ħaġa importanti hija li nibqgħu naħdmu u dejjem nagħtu l-aħjar tagħna.

Kif tqis il-livell tal waterpolo Malti fil-preżent?

Naħseb li l-livell tal-Premier għamel titjib f’ħafna mit-timijiet jitħarrġu darbtejn kuljum kważi s-sena kollha. Naqbel ukoll li t-timijiet il-kbar qed jissellfu plejers iżgħar għall-klabbs tal-ewwel diviżjoni biex ikomplu jiksbu l-esperjenza. Dwar it-tim nazzjonali, naħseb li r-ritorn ta’ Stevie u Xellugi ser naraw lil Malta tkompli tagħmel progress ’il quddiem.

U dak tar-riżorsi (pixxina) fejn tilagħbu l-logħob tagħkom?

Fortunatament għall-Exiles, dħalna fi ftehim mal-Mediterranean College of Sports li jħallu lill-Exiles jużaw il-pixxina wara l-ħinijiet tal-iskola. Dan żgur li jagħti benefiċċju lill-klabb u lin-nursery tal-Exiles għax issa aktar atleti jkunu jistgħu jitħarrġu f’pixxina adekwati.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil waterpolo?

Dan huwa żgur l-aħħar staġun tiegħi fil-waterpolo, għax nixtieq li nqatta’ aktar ħin mal-mara tiegħi Tara u t-tifel tagħna Seb, imma żgur li xi darba nagħmel parti mill-ASA biex inkompli nkabbar dan l-isport li lkoll inħobbu.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil waterpolo.

Ibqa’ stinka u dejjem emmen fik innifsek, filwaqt li tibqa’ umli.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport