Tuesday, May 13, 2025

‘Iċ-ċavetta għas-suċċess nemmen li hi l-passjoni lejn dak li tagħmel’ – Christina Novelli

Aqra wkoll

Christina Novelli hija DJ, vokalista u kittieba ta’ idiski Ingliżi, magħrufa fix-xena tal-mużika elettronika taż-żfin (EDM), partikolarment fil-ġeneru trance. Imwielda fis-27 ta’ Novembru 1986 f’Southampton, l-Ingilterra, hija bint il-kok ċelebri Franċiża Jean-Christophe Novelli

Fl-2012, Novelli kisbet rikonoxximent internazzjonali permezz tal-kollaborazzjoni tagħha ma’ Gareth Emery bid-diska “Concrete Angel,” li kitbet hi stess. Il-kanzunetta kisbet suċċess sinifikanti, billi daħlet fiċ-charts tal-Billboard Dance Music u ġabret aktar minn 65 miljun ta’ segwaċi fuq YouTube.

Novelli ħadmet ma’ artisti prominenti bħal Armin van Buuren, Dash Berlin, Richard Durand, u Markus Schulz, u kkontribwiet għar-reputazzjoni tagħha bħala vokalista ewlenija fil-komunità tal-mużika trance .

Novelli ġiet onorata bil-premju “Best Female Trance Artist” fil-Premjijiet Internazzjonali Annwali tal-Mużika taż-Żfin kemm fl-2019 kif ukoll fl-2020. Barra minn hekk, id-diska tagħha “The Air I Breathe” ma’ Richard Durand ġiet ivvutata bħala l-Aqwa Diska tas- sena 2018 fuq il-programm A State of Trance ta’ Armin van Buuren.

Christina Novelli żżewġet lil Tara Sirrell fl-2019. Fl-2015, hija kien xortiha tajba li baqgħet ħajja wara inċident serju tal-karozzi, u ġarrbet ġrieħi ħfief.

Il-kantanta, kompożitriċi u anke DJ ta’ 37 sena tispeċjalizza fil-mużika elettronika, trance u dance u taf tuża’ diversi strumenti mużikali bħal kitarra u d-drums. Hi għandha kapaċitajiet vokali mill-aqwa filwaqt li għandha sens qawwi ta’ intelliġenza fil-produzzjoni tal-mużika.

Riċentement Novelli żaret Malta sabiex tieħu sehem f’festival li sar fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet f’diskoteka f’Malta. Din il-gazzetta ħadet il-kummenti ta’ Novelli li mal-ewwel qaltilna li issa nsiet kemm-il darba ġiet f’Malta.

“Ngħidlek il-verita’ insejt kemm ġejt f’Malta minħabba li issa saret it-tieni dar naturali tiegħi. Hawnhekk in-nies jilqgħuni u hawn atmosfera sabiħa ħafna fejn għandu x’jaqsam ix-xena mużikali. U għalhekk flimkien mal-ħabib tiegħi J Joy u anke xi kollaboraturi oħra Maltin, nieħu gost ħafna niġi fil-gżejjer Maltin.”

Tkellimna dwar single riċenti li hi ħarġet inqas minn sentejn ilu bl-isem ta’ Heavy.

“Is-single “Heavy” ġiet rilaxxata fl-24 ta’ Marzu, 2023, taħt Muse Music Records. Din it-trance trance iċċarġjatni litteralment u emozzjonalment minħabba li tidħol f’temi ta ‘l-imħabba u l-ħelsien, u toffri perspettiva ġdida fuq il-kunċett klassiku”

L-istess “Heavy” serviet ukoll bħala s-single ewlieni tagħha, li ġie rilaxxjat fl-14 ta’ Lulju 2023, permezz ta’ Black Hole Recordings. L-EP jinkludi erba’ singles oħra bl-isem ta’ Black Heart, Memories u Black Heart (apparti Heavy).

Fi żvilupp riċenti, Christina Novelli ħabbret ir-rilaxx ta ‘verżjoni akustika ta’ “Heavy.”

“Kienet verżjoni akustika li hi ferm għal qalbi hekk kif kelli diversi talbiet mis-segwaċi tiegħi sabiex nagħmel xi ħaġa oriġinali. Din l-inizjattiva tippermetti lis-segwaċi tiegħi li jkollhom parti mid-drittijiet tal-kanzunetta, li tirrifletti xejra dejjem tikber fl-industrija tal-mużika fejn l-artisti joffru lill-fanatiċi tagħhom is-sehem fix-xogħol tagħhom.”

Insaqsu wkoll lil Christina Novelli jekk taqbilx li Malta bħala gżira hux qed tħabbatha tajjeb ma’ avvenimenti oħra li jsiru f’Ibiza.

“Iva naħseb li Malta riesqa lejn dawn il-binarji. Qed isiru ħafna festivals u qed jiġu organizzati aktar avvenimenti ferm pożittivi u għalhekk fl-aħħar mill-aħħar qed jintlaħqu livelli verament importanti.”

Hi ssemmi li kull proġett li tagħmel kemm dak li diġa’ sar kif ukoll dak li qed iseħħ, dejjem għandu l-mumenti speċjali tiegħu. Minkejja kollox, it-tir tagħha hu dak li tipproduċi mużika li jgħaddi kemm jgħaddi żmien dejjem tibqa’ valida.

Tkellimna magħha dwar it-tours li kellha wara l-perjodu diffiċli tal-COVID fejn hi kienet qed iddur l-Ewropa u teżebixxi l-mużika tagħha li tkanta u anke li tikkomponi u ddoqqhom ukoll bħala DJ.

“Tassew kelli erba’snin mimlija daqs bajda bix-xogħol fejn mort neżebixxi t-talenti tiegħi f’diversi pjazez Ewropej. Ridt ukoll li n-nies jisimgħu l-materjal il-ġdid li ħejjejt fejn s’issa jidher li hemm interess kbir fost is-segwaċi tal-mużika tiegħi.”

Fil-fatt, Novelli ħarġet diversi albums f’dawn l-aħħar snin fosthom “Walking the Wire” flimkien ma’ DJ Sash, “My Guiding Light” flimkien ma’ Richard Durant, “All I Want is You” u “In My Arms.”

Novelli sostniet li ħafna mis-suċċess li għandha hu dovut għax-xogħol bla heda li tagħmel, xi ħaġa li s-segwaċi tagħha japprezzaw sew.

Iżda Christina Novelli kif tiddeskrivi x-xena tal-mużika trance fil-mument?

“Naħseb li bħalissa qed ngħixu żminijiet ferm eċitanti. Irridu niftakru li l-mużika qed tevolvi ħafna u mingħajr ma trid, trid titgħallem tgħix maż-żminijiet. Dejjem trid toħroġ b’xi ħaġa differenti. Mill-2012 meta ħriġt “Concrete Angel”, l-affarijiet inbidlu sew u dejjem trid tara li filwaqt li żżomm l-istil tiegħek, tipprova dejjem tkun oriġinali mingħajr ma teżaġera. Jien dejjem imsejt ma’ dik il-formula u nirringrazzja lill-Bambin dejjem imxejna ‘l quddiem.”

Iżda kif taraha Christina Novelli minn hawn u għaxar snin oħra?

“L-ewwelnett nixtieq inqatta’ ħafna ħin ġo jott, ingawdi l-baħar u dak kollu li joffri dan l-ambjent. Madankollu mhux se naqta’ l-mużika li hi parti importanti minn ħajti. Beħsiebni li sakemm il-Bambin itini s-saħħa, inkompli noħroġ aktar kollaborazzjonijiet filwaqt li nikteb il-mużika kif naf nagħmel jien. Barra minn hekk nixtieq inkompli noħroġ iktar mużika oriġinali.”

Finalment bħalma nagħmlu s-soltu, xtaqna lil Christina Novelli sabiex ittina messaġġ speċjalment għal dawk it-tfal u ż-żgħażagħ li jixtiequ jaqbdu karriera fil-mużika.

“Qatt m’għandek taqta’ qalbek u jekk tfalli, trid tkun kapaċi tqum u terġa’ tibda mill-ġdid. Iċ-ċavetta għas-suċċess nemmen li hi l-passjoni lejn dak li tagħmel.”

“Importanti wkoll li taħdem qatigħ sabiex l-ambizzjonijiet tiegħek tkun tista’ twettaqhom u fuq kollox li tkun imdawwar jew imdawra bi grupp ta’ nies pożittivi u mhux negattivi sabiex dak li int tagħmel, tagħmlu mill-qalb u b’moħħhom mistrieħ.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport