Saturday, December 21, 2024

IĊ-ĊENTRI TAL-BLIET

Aqra wkoll

Hu minnu li ċ-ċentri tal-ibliet u tal-irħula tagħna qed jittieklu u jitilfu l-karattru tagħhom. Fuq quddiem nett f’dal-proċess ġiet Tas-Sliema fejn il-qerda ilha għaddejja. Imma imkejjen oħra minn B’Kara u Ħal-Qormi sa irħula tassew ċkejkna f’Għawdex ukoll sejrin mill-ħażin għall-agħar.

Minkejja t-tgergir, il-kawżi legali u l-protesti, it-twaqqiegħ ta’ binjiet qodma baqa’ għaddej. L-attakk qatt ma jkun frontali imma jittella’ pass pass  b’mod insidjuż. L-ewwel issir xi talba għal dar mhux daqstant “sabiħa” biex titwaqqa ħalli minflok jittellgħu tliet appartamenti. Wara dal-każ iservi ta’ staffa biex jinħatfu djar oħra fl-istess lok; imbagħad f’toroq madwar. Ġieli b’tattika jintqal kif il-faċċata qadima tad-dar għat-twaqqigħ se tinżamm bħala l-faċċata fil-bini l-ġdid; mhux dejjem.

Kulħadd jew kważi jitkellem kontra dal-proċess. Peress li mhux talli ma waqafx, talli baqa’ jirranka, kelli nikkonkludi li ħafna minn dawk li jitkellmu kontrih fil-fatt huma attivi fih.

FUNZJONIJIET RELIĠJUŻI STATALI

Dejjem iddubitajt dwar kemm hi proċedura siewja li bħala parti minn programm ta’ ċerimonji uffiċjali tal-istat, titpoġġa funzjoni reliġjuża. Veru li tradizzjonalment dejjem hekk ġara, mhux l-anqas meta Knisja u stat kienu għadhom ħaġa waħda. Bħalma hi l-prattika f’ċerti stati musulmani tal-lum.

Terġa’, se jintqal li r-reliġjon Kattolika għadha mitqiesa bħala r-reliġjon tal-istat mill-kostituzzjoni ta’ Malta. Imma jagħmel sens li l-istat “ikollu” reliġjon? Ma jidhirlix.

Għax jekk iva, tkun proċedura siewja wkoll mhux biss li l-Knisja iżżomm funzjoni fejn hi tindirizza lill-istat, imma li jiġri bil-maqlub: l-istat iżomm funzjoni uffiċjali fejn jindirizza lill-knisja.

Kien jiġri hekk fiż-żmien kolonjali. Fiċ-ċerimonja tal-Gandlora, il-gvernatur kien jindirizza lill-kappillani. Wara l-Indipendenza, twaqqfet.

FINANZJAR TAL-PARTITI POLITIĊI

Sar wisq kliem vojt dwar l-iffinanzjar tal-partiti politiċi. Tħobbhom jew tobgħodhom, hawn xi ħadd jiċħad li l-partiti politiċi – bit-tajjeb u bil-ħażin tagħhom – huma meħtieġa u jaqdu funzjoni li l-komunità ma tistax tgħaddi mingħajrha?

Xi ħadd jiċħad li biex iżommu fil-wiċċ, fiż-żminijiet tal-lum, il-partiti għandhom bżonn impjegati fulltime barra minn voluntiera, jekk se jwasslu l-messaġġ tagħhom b’xi effett? Jekk hu hekk, il-ħtieġa wkoll ta’ fondi li jiffinanzjaw dan l-isforz hi evidenti. 

Minn x’imkien iridu jiġu. Il-kontribuzzjonijiet volontarji miċ-ċittadini mhumiex biżżejjed, jekk qatt kienu, biex isostnu ħidma politika serja. Qed ngħid hekk jien li dejjem sħaqt fuq il-ħtieġa ta’ fondi politiċi li jiġu bil-ftit mingħand il-ħafna. 

Jekk ma rridux li l-partiti jduru fuq in-negozji għall-kontribuzzjonijiet, triq waħda jibqa’: ta’ fondi mingħand l-istat. Jeżistu mudelli ta’ kif dan jista jsir: m’hemmx għalfejn nipprovaw nerġgħu nivvintaw ir-rota.

Ekonomija

Sport