Sunday, December 22, 2024

Iċ-Ċentru Akwatiku u Sportiv mistenni jitlesta s-sena d-dieħla

Aqra wkoll

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri żar ix-xogħlijiet li għaddejjin bħalissa fuq iċ-Ċentru Akwatiku u Sportiv fejn ix-xogħol qed javvanza kif ippjanat u mistenni jitlesta s-sena d-dieħla.

Dan il-kumpless, li huwa mibni fuq 5,000 metru kwadru ta’ art fiċ-ċentru tar-Rabat, se jkun l-akbar investiment sportiv li qatt sar f’Għawdex.

Il-ministru stqarr li hekk kif fix-xhur li għaddew tlestew l-istrutturi ta’ trusses li se jkunu qed jerfgħu s-saqaf tal-kumpless, issa bdew ix-xogħlijiet li għandhom x’jaqsmu mal-panelling f’dawn l-istess strutturi tal-ħadid sabiex jingħalaq dan il-kumpless kollu kemm hu. 

Huwa kompla jgħid li, “Filwaqt li fil-ġimgħat li ġejjin se jkun għaddej dan ix-xogħol, se nkomplu għaddejjin bl-aħħar xogħlijiet li għandna fil-faċċata tal-istess binja. Anke tul l-aħħar ġimgħat saru diversi xogħlijiet li għandhom x’jaqsmu mal-M&Es, b’mod speċjali s-sistema kumplessa tal-pump room u makkinarju anċillari, sabiex mhux biss jiġi operat iċ-Ċentru Sportiv iżda dawn is-sistemi se jkunu qed iħaddmu wkoll din il-pixxina ta’ daqs Olimpiku, li għall-ewwel darba wkoll qed tinbena f’Għawdex.”

Il-perit tal-proġett, Godwin Sultana, spjega kif fl-aħħar ġimgħat tlestew ix-xogħlijiet li għandhom x’jaqsmu mal-pumping rooms, makkinarju li se jkun qiegħed iħaddem din il-pixxina ta’ daqs Olimpiku, u issa se jibda jissaqqaf l-istess Ċentru Akwatiku u Sportiv.

Il-Ministru Clint Camilleri tenna li x-xogħol se jkompli għaddej bl-istess ritmu sabiex is-sena d-dieħla jitlesta dan il-proġett u jibda jitgawda mill-isportivi, mit-tfal u mill-anzjani. Hu temm jgħid li dan il-proġett se jibdel il-mod ta’ għajxien tal-Għawdxin fejn se jkun proġett miftuħ għal kulħadd u mmaniġġjat b’mod tajjeb sabiex jiġi utilizzat bl-aħjar mod possibbli.

Ekonomija

Sport