Tuesday, April 30, 2024

Jibda’ jinstema’ l-każ tat-treġedja tal-Air France

Aqra wkoll

Il-kapijiet ta’ Airbus u Air France kienu milqugħin bl-għajta ta’ “istħu” hekk kif fl-aħħar sigħat beda l-proċess quddiem il-qorti kriminali ġewwa Pariġi b’rabta mat-traġedja tal-arju li kienet seħħet fl-2009 ftit ’il barra mill-Brażil. 

Il-kumpaniji msemmija qegħdin jiċħdu l-akkuża ta’ qtil involontarju wara li l-ajruplan Airbus A330 iġġarraf meta kien fi triqtu minn Rio de Janeiro lejn Pariġi. L-investigaturi kienu sabu li l-piloti tilfu l-kontroll tal-ajruplan wara li s-sensors li jimmarkaw l-veloċità tal-ajra għal xi raġuni waqfu jaħdmu. Abbord l-ajruplan kien hemm 228 persuna li sfortunatament mietu kollha. Il-qraba tal-vittmi ilhom snin jikkampanjaw biex dawk allegatament responsabbli jitressqu qud­diem il-qorti. 

Fid-diskors tal-ftuħ quddiem il-qorti l-Kap Eżekuttiv ta’ Air France Anne Rigail u l-Kap Eżekuttiv ta’ Airbus Guillaume Faury esprimew il-kondoljanzi tagħhom lill-qraba tal-vittmi, iżda l-qraba jidher li xejn ma kienu sodisfatti b’din l-istqarrija. 

Meta Faury kien qiegħed jitkellem mal-ġurnalisti hu qal li dan “se jkun proċess diffiċli” u tenna li l-kumpanija trid tikkontribwixxi “għall-verità u l-għarfien” dwar dak li verament seħħ. Min-naħa tagħha Rigail espremiet is-sogħba kbira tagħha u qalet li Air France qatt mhi se tinsa dan l-ikbar inċident fl-istorja tagħha.  

It-titjira tal-Air France 447 kienet ġġarrfet ftit wara li telqet minn Rio de Janeiro hekk kif sabet ma’ wiċċha maltempata ta’ altitudni għolja. Wara snin ta’ riċerka fuq il-kaxxa s-sewda, l-investigaturi kkonkludew li s-sensors tal-veloċità fallew u taw qari ħażin. Dan eventwalment wassal biex l-ajruplan waqaf jiffunzjona. Irriżulta wkoll li l-piloti naqsu milli jimxu mal-proċeduri korretti u tilfu l-kontroll tal-ajruplan li waqa’ minn għoli ta’ 38,000 pied u spiċċa fil-baħar. Ħareġ ukoll li dak il-ħin il-kaptan kien fuq brejk u jidher li l-assistenti tiegħu ma kellhomx it-taħriġ neċessarju f’każ ta’ ħsarat bħal dawn. 

Sport