Friday, November 29, 2024

Iċ-Ċentru Ħajja Indipendenti Sonia Tanti b’investiment ta’ €700,000 biex joffri servizzi mtejba

Aqra wkoll

Bħala parti mill-miżuri tal-Budget 2025, il-kreditu ta’ taxxa għall-ġenituri ta’ tfal b’diżabilità se jiżdied minn €500 għal €750 fis-sena, biex jgħinhom fl-ispejjeż tat-terapiji speċjalizzati. Din il-miżura ser tkun amministrata mill-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD).


Dan il-fond ġie estiż ukoll għal ġenituri ta’ tfal li ma jħallsux taxxa, minħabba li ma jaħdmux jew inkella għax huma fuq il-benefiċċji soċjali. Id-dettalji tħabbru mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia waqt konferenza tal-aħbarijiet fiċ-Ċentru Ħajja Indipendenti Sonia Tanti f’Ħal Far operat minn Aġenzija Sapport, li bħalissa fih qiegħed qed issir rinnovazzjoni biex jitjiebu s-servizzi li jiġu offruti minnu. 

Dan qed isir b’investiment ta’ €700,000 u huwa mistenni li jitlesta fl-2025, u se jkun qiegħed joffri għadd ta’ benefiċċji li jtejbu l-esperjenza ta’ dawk li jagħmlu użu minn dan iċ-ċentru, inklużi titjib fil-faċilitajiet ta’ aċċessibbiltà, żewġ kliniċi għall-ACTU biex iservu l-ħtiġijiet ta’ dan id-dipartiment, play area għat-tfal li tintuża waqt sessjonijiet ta’ assessjar, kliniċi għall-assessjar tas-siġġu tar-roti, driving clinic speċjalizzata għall-assessjar u taħriġ tas-sewqan u kamra sensorjali, fost affarijiet oħra.


Il-Ministru Julia Farrugia fissret li ż-żieda fl-ammont mogħti bħala tax credit, flimkien mal-fatt li dawn issa ser jibdew jingħataw lil min ma jaħdimx jew qiegħed fuq il-benefiċċji soċjali, hija minnha nnifisha turija ta’ kemm dan il-gvern qiegħed ifittex li jkompli jeleva l-kwalità fis-servizzi li joffri fis-settur tad-diżabilità. “Dan il-proġett huwa parti mill-viżjoni tagħna għal Malta aktar inklussiva, fejn kull persuna b’diżabilità jkollha s-sapport kollu biex tgħix ħajja indipendenti u tirrealizza l-potenzjal tagħha. Flimkien mal-investiment fiċ-Ċentru Ħajja Indipendenti, qed inżidu wkoll il-kreditu ta’ taxxa għal terapija speċjalizzata bħala pass ieħor konkret biex noffru spalla għal dawk l-aktar li għandhom bżonn waqt mumenti diffiċli.”


Il-Kummissarju għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità Rhoda Garland qalet li ż-żieda fil-kreditu tat-taxxa għat-terapiji speċjalizzati hija għajnuna importanti għal dawk il-ġenituri li għandhom tfal b’diżabilità u li jeħtieġu dawn it-terapiji għall-iżvilupp tagħhom. Dan se jwassal sabiex it-tfal ’il quddiem ikunu jistgħu jgħixu ħajja aktar indipendenti.

Min-naħa tiegħu, Oliver Scicluna, Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport, irrefera għax-xogħlijiet li għaddejjin fiċ-Ċentru Ħajja Indipendenti Sonia Tanti bħala investiment fl-aċċessibilità. Dan iċ-ċentru hu mistenni li joffri faċilitajiet moderni minn fejn it-tim multidixxiplinarju ta’ terapisti u professjonisti diversi jistgħu jkunu attrezzati aħjar iwasslu servizzi diversi li bil-mod tagħhom kollha jiċċentraw fuq aċċessibilità, li tfisser ħajja aktar indipendenti għall-persuni b’diżabilità. Il-persuni b’diżabilità li jagħmlu użu minn dawn is-servizzi speċjalizzati fil-preżent qed jingħataw dawn is-servizzi minn binja fil-Qrendi sakemm jitlesta l-proġett fuq il-binja f’Ħal Far.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport