Monday, December 9, 2024

Esperta fl-inkjesta Vitals bla kwalifiċi u bla warrant

Aqra wkoll

Esperta li tqabbdet bħala accountant forensiku fl-inkjesta Vitals la għandha degree fl-accounts u lanqas għandha warrant ta’ accountant. Dan ħareġ meta kompliet tinstema’ l-kawża dwar l-inkjesta Vitals.

Fis-seduta tal-Erbgha xehdet Miroslava Milenovic li tqabbdet bħala esperta biex tagħmel xogħol ta’ investigazzjoni dwar il-konċessjonijiet tal-isptarijiet. Milenovic kienet mitluba mill-Avukat Vince Galea li qed jidher f’isem l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, sabiex telenka ċ-ċertifikati kollha relatati mal-kwalifiċi li hija tgħid li għandha. Milosevic wieġbet li ħaġa bħal din tieħu ħafna żmien u li b’din it-talba kienet qed tiġi umiljata.

Il-Magistrat Rachel Montebello iżda ordnatilha biex tipprovdi d-dokumenti mitluba u qaltilha li mhu minnu xejn li qed tiġi umiljata għaliex bhala esperta hija trid twiegeb il-mistoqsijiet li jsirulha. L-esperta Serba qalet illi fl-1984 hija gradwat fil-ġeoloġija u fil-geophysics u li għandha Masters fuq it-terroriżmu u l-kriminalità organizzata mill-Università ta’ Belgrade.

L-Avukat Galea mbagħad għadda biex jistaqsi lil Milenovic dwar il-modules tal-Masters li għamlet fl-Università ta’ Belgrade bl-Avukat Francesco Refalo mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali joġġezzjona. Il-Maġistrat Montebello iżda qalet li l-mistoqsijiet li ried jagħmel l-Avukat Galea huma rilevanti. L-Avukat Galea staqsa lill-esperta Serba jekk fil-kors tal-Masters li għamlet f’Belgrade kienx hemm module dwar l-accounts. Milenovic wieġbet li fil-karriera tagħha ħadd qatt ma ddubita minnha, bil-Qorti titlobha għal ħafna drabi biex twieġeb dak li kien staqsieha l-Avukat Galea. Wara ħafna ħin Milenovic wieġbet li ma kienx hemm module dwar l-accounts.

Mistoqsija jekk għandhiex degree fl-accounts, ġaladarba tqabbdet fl-inkjesta Vitals bħala accountant forensiku, Milenovic reġgħet wieġbet li għandha ħafna ċertfikati iżda meta għal darba oħra ntalbet twieġeb dak li ġiet mistoqsija hija qalet li m’għandhiex degree fl-accounts. L-Avukat Galea mbagħad staqsa lill-esperta Serba jekk għandhiex warrant ta’ accountant bit-twegiba tkun li m’għandhiex. Il-Maġistrat Montebello ġibditilha l-attenzjoni li biex persuna tkun tista taħdem bħala accountant f’Malta jinħtieġ illi jkollha warrant.

Mistoqsija jekk meta bdiet taħdem fuq l-inkjesta Vitals, kellhiex dan il-warrant Milenovic qalet li ma kellix. Mitluba tgħid jekk informatx b’dan lill-Maġistrat Gabriella Vella, li kienet responsabbli mill-inkjesta, l-esperta qalet li ma informathiex u li l-Maġistrat Vella ma kellmithiex dwar dan il-warrant. Fl-istess ħin qalet li m’għadhiex tagħmel xogħol ta’ accountancy. L-avukat Galea ġibed l-attenzjoni tal-esperta li skont hija, saret certified accountant wara kors ta’ ħames xhur biss, bejn Jannar u Mejju 2000, fis-Serbja. Milenovic wieġbet illi f’dawk il-ħames xhur għaddiet minn ħafna eżamijiet.

Fi tmiem ix-xhieda ta’ Milenovic, wieħed mill-avukat difensuri gibed l-attenzjoni tal-Maġistrat li waqt li kienet qed tixhed l-esperta Serba ħarset lejn il-pubbliku li kien hemm fl-awla u dehret tagħti tegħmiża lil xi ħadd. L-avukat talab lill-Magistrat titlob lil Milenovic biex tgħid lil min għemżet. L-esperta qalet li fil-pubbliku kien hemm żewġ kollegi tagħha, Anna u Howard u li kienu preżenti biex iħejju lilhom infushom għall-każ li għandhom għada.

L-inkjesta Vitals immexxija mill-Magistrat Gabriella Vella ħadet erba’ snin biex titlesta u swiet €11-il miljun. 

Il-każ ikompli jinstema’ fil-21 ta’ Novembru.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport