Monday, December 9, 2024

IL-QABŻA FIL-KWALITÀ FL-OQSMA TAL-ARTI U L-KULTURA

Aqra wkoll

Malta hi mogħnija b’patrimonju nazzjonali imprezzabbli. Is-swar, il-fortifikazzjonijiet u binjiet oħra jġorru warajhom l-istorja twila u rikka ta’ pajjiżna u l-poplu tiegħu matul is-sekli. Għalhekk huwa importanti li l-wirt kulturali ta’ pajjiżna nieħdu ħsiebu u nindukrawh. Dan għaliex, il-gżejjer tagħna għandhom karatteristiċi uniċi bl-ibliet u l-irħula tagħna, u fl-istess ħin jagħmilna distinti minn popli oħra.

Il-wirt tanġibbli li għandna bħalma huma l-mużewijiet, knejjes, tempji u patrimonju ieħor importnati, irridu naraw li jibqa’ jingħata l-attenzjoni li tixraqlu u fejn ikun hemm bżonn li jsir xi xogħol ta’ restawr, dan isir ukoll. 

F’dawn l-aħħar snin, twettaq xogħol kbir ta’ restawr u din il-ħidma mistennija tintensifika aktar fix-xhur li ġejjin. Tant hu hekk, li s-sena d-dieħla mistennija jitwettqu xejn inqas minn 40 proġett ta’ restawr. 

Fejn jidħlu l-fortifikazzjonijiet hemm ir-restawr tal-Bastjun San Nikola, ir-restawr tal-Bastjun Santa Elena, Santa Margherita Lines u r-restawr tat-Torri Vendome, Marsaxlokk, fost oħrajn. Xogħlijiet oħra ta’ restawr jinkludu; dak fuq il-faċċata ta’ wara tal-Knisja Parrokkjali ta’ Santa Katarina fiż-Żejtun, ir-restawr tal-Għajn tal-Ħasselin f’Marsaxlokk, ir-restawr tal-Kappella tal-Madonna tal-Vitorja f’Birkirkara u r-restawr tan-Niċċa tal-Madonna fi Triq il-Parroċċa u fi Triq il-Karmnu, l-Imqabbad. 

B’żieda ma’ dawn il-proġetti ta’ restawr, se jkun hemm il-bidu jew it-tkomplija ta’ proġetti oħra kbar. Uħud minn dawn kienu ilhom mistennija sew, speċjalment f’dak li jirrigwarda l-Culture and Arts Hub. Dan mhux biss se jgawdu minnu l-entużjasti tal-Karnival, imma wkoll kull min iħobb l-arti u l-kultura. Dan huwa proġett li se jiswa mat-€23 miljun u mistenni jitlesta bejn l-2026 u l-2027.

Se jitkomplew ukoll l-istudji u joħorġu l-ewwel tenders għax-xogħlijiet f’Villa Guardamangia, se jitwaqqaf il-villaġġ għall-entużjasti tal-Eurovision, filwaqt li se jkomplu l-preparazzjonijiet għat-tieni Biennale ta’ Malta li se jsir fl-2026.

Nemmnu għalhekk li s-sena d-dieħla se tkun waħda li tara qabża ta’ kwalità ‘l quddiem f’kull qasam, mhux b’inqas fl-oqsma tal-arti u l-kultura. Inħarsu ‘l quddiem biex nibdew naraw il-frott ta’ proġetti li ilhom ħafna mistennija, filwaqt li nilqgħu proġetti oħra kbar li diġà saru, bħall-MICAS u r-restawr estensiv fil-Palazz tal-Granmastru. 

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport