Thursday, December 26, 2024

Iċ-Ċentru tal-Ħamrun bi spazju rikreattiv fi triq pedonali ġdida

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

Triq li tinsab fil-qalba tal-Ħamrun biswit Pjazza San Pawl u li qabel kienet tintuża għal karozzi, ingħalqet u minflok inbidlet għal triq pedonali bi spazju rikreattiv. Dan kien possibli minħabba investiment ta’ €60,000, il-pubbliku se jkun jista’ jgawdi minn bandli li fih tagħmir differenti, inklużiv ukoll li jista’ jintuża wkoll minn persuni bi bżonnijiet speċjali.

Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli fil-preżenza tal-kunsill lokali, l-Ġimgħa filgħodu.

Fid-diskors tiegħu l-Ministru Farrugia qal li kien ta’ sodisfazzjon kbir li jara proġett bħal dan, speċifikament għaliex jinsab f’żoni tant urbanizzati bħal Ħamrun. Sostna li proġett bħal dan turi l-ħidma tal-Gvern u li jħares iktar ‘il quddiem sabiex jiġu mwettqa’ iktar proġetti li se jkunu qegħdin joffru spazji miftuħa.

Min-naħa tagħha s-Segretarju Parlamentari qalet li “l-kunsilli lokali jafu l-aħjar il-bżonnijiet tal-lokalitajiet u r-residenti rispettivi tagħhom, għaldaqstant infaħħar l-inizjattiva tal-Kunsill Lokali tal-Ħamrun li f’żona tant urbana ħasbu biex joħolqu triq pedonali bi spazju rikreattiv biex jitgawda mir-residenti tagħhom,”.

Min-naħa tiegħu s-sindru tar-raħal Christian Sammut qal li dan il-proġett kien wieħed minn sensiela ta’ proġetti oħra ta’ tisbiħ u riġenerazzjoni f’diversi toroq fil-Ħamrun. Dan il-proġett kien iffinanzjat minn Trasport Malta permezz tal-iskema “European Mobility Week” u mid-Diviżjoni tal-Gvern Lokali permezz tal-iskema “Finanzjament għall-Iżvilupp u Titjib fil-Kundizzjonijiet tal-Playing Fields fil-Lokalitajiet f’Malta u Għawdex.

Għall-konferenza tal-aħbarijiet attendew ukoll id-Direttur għall-Implimentazzjoni tal-Istrateġija u l-Politika fi ħdan id-Diviżjoni tal-Gvern Lokali, rappreżentanti minn Transport Malta u diversi membri tal-Kunsill Lokali tal-Ħamrun.

Ekonomija

Sport