Saturday, December 21, 2024

Iċ-Chairperson tal-OSCE Ian Borg jiltaqa’ mal-President tal-Albanija Bajram Begaj

Aqra wkoll

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u Kummerċ, u Chairperson tal-OSCE, Ian Borg, temm iż-żjara tal-Presidenza tal-OSCE fix-Xlokk tal-Ewropa matul il-jum tal-Erbgħa fl-Albanija, fejn iltaqa’ ma’ mexxejja ewlenin u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili.

F’laqgħat mal-President tal-Albanija Bajram Begaj u mal-Ministru għall-Ewropa u għall-Affarijiet Barranin Igli Hasani, Borg tkellem dwar diversi temi ta’ tħassib li hemm bħalissa fir-reġjun, filwaqt li saħaq dwar l-impenn biex tissaħħaħ il-koperazzjoni reġjonali. “Il-ħtieġa ta’ multilateraliżmu inklussiv u effettiv qatt ma kien aktar meħtieġ mil-lum u huwa għalhekk li l-Presidenza Maltija qed taħdem biex tiżgura  r-reżiljenza tal-OSCE u ssaħħaħ l-abilità tagħha li twieġeb għax-xejriet tas-sigurtà li dejjem jinbidlu,” qal il-Ministru Borg.

Fil-kapitali Tirana, id-Deputat Prim Ministru Borg u l-Ministru Hasani għamlu wkoll stqarrijiet lill-media. Borg faħħar lill-Albanija għas-sħubija b’saħħitha li għandha mal-OSCE, hekk kif fakkar li “l-Preżenza tal-OSCE fl-Albanija ilha sieħeb dedikat fl-avvanz tal-valuri demokratiċi, fit-tisħiħ tal-istituzzjonijiet u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f’dan il-pajjiż sa mill-1997.”

Iċ-Chairperson tal-OSCE rrefera wkoll għall-Kunsill Ministerjali tal-OSCE, li Malta ser tospita fil-5 u fis-6 ta’ Diċembru li ġej. Din se tkun opportunità sabiex is-57 stat parteċipant ta’ din l-Organizzazzjoni jingħaqdu u jiddiskutu temi reġjonali u aspetti oħra tal-organizzazzjoni importanti, filwaqt li jkomplu jaħdmu lejn futur ta’ reżiljenza, sigurtà u prosperità għal kulħadd.

Hekk kif għamlet waqt iż-żjarat tagħha fil-Bożnja u Ħerzegovina, fil-Montenegro u fil-Maċedonja ta’ Fuq aktar kmieni din il-ġimgħa, nhar l-Erbgħa l-Presidenza Maltija tal-OSCE kellha wkoll laqgħat ma’ għaqdiet tas-soċjetà ċivili fl-Albanija, sabiex tisħaq fuq l-impenn tal-OSCE lejn inizjattivi dwar l-ugwaljanza tal-ġeneru u dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza tal-ġeneru. Iċ-Chairperson tal-OSCE Borg waqaf ukoll fl-uffiċċji tal-Preżenza tal-OSCE fl-Albanija sabiex jiltaqa’ mal-ħaddiema tal-Organizzazzjoni. Huwa faħħar is-snin twal ta’ determinazzjoni tagħhom sabiex jiżguraw li l-OSCE tibqa’ tagħti kontribut pożittiv lin-nies fl-Albanija.

Ekonomija

Sport