Iċ-ċiklist Svizzeru Gino Mader miet fl-età ta’ 26 sena wara inċident li seħħ fil-ħames stadju tat-Tour de Suisse.
Iċ-ċiklist tat-Team Bahrain Victorious kien involut f’ħabta b’veloċità għolja mal-Amerikan Magnus Sheffield ta’ 21 sena nhar il-Ħamis fin-niżla tal-Albula Pass bil-konsegwenza li kkraxxja.
Huwa mill-ewwel ingħata l-attenzjoni medika fuq il-post qabel ma ttieħed bl-ajru l-isptar f’Kira, iżda miet il-Ġimgħa filgħodu.
Bahrain Victorious qal li Mader kien “wieħed mid-dwal brillanti tat-team tagħna”.
“Gino kien atleta straordinarju, eżempju ta’ determinazzjoni, membru apprezzat tat-team tagħna u tal-komunità kollha taċ-ċikliżmu,” qal it-team ta’ Mader.
“It-talent, id-dedikazzjoni u l-passjoni tiegħu għall-isport ispirawna lkoll.”
Id-direttur maniġerjali tat-team, Milan Erzen, qal: “Mhux biss kien ċiklist ta’ talent immens imma persuna kbira barra lil hinn mir-rota.”
Fi stqarrija ntqal ukoll li l-organizzaturi tat-Tour de Suisse huwa “maqsuma” bil-mewt ta’ Mader, filwaqt li l-UCI – il-korp governattiv dinji taċ-ċikliżmu – qalet li hu kien “stilla li kienet għadha qed tikber”.