Diversi nħawi tal-Baħar Mediterran jinsabu għaddejjin minn dik li tissejjaħ ‘marine heatwave’ u li dan jista’ jwassal biex Iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ numru ta’ speċi tal-baħar jitħawwad, speċjalment fejn tidħol reproduzzjoni.
Hekk inkiteb fuq is-sit Maltese Island Weather dwar is-sitwazzjoni tat-temp f’pajjiżna hekk kif għaddej minn mewġa ta’ sħana kbira.
It-temperatura ta’ wiċċ il-baħar laħqet 30°C f’xi nħawi. Il-medja fl-ewwel 10 metri fond ta’ baħar madwar il-Gżejjer Maltin bħalissa hija ta’ 28°C / 29°C.
“Ħafna jgħidu li ma jħossuhomx jiffriskaw sew avolja jinżlu jgħumu. Meta l-baħar jisħon wisq, l-ambjent marittimu jbati sew. Numri ta’ speċi ma humiex addattati għal baħar sħun daqshekk u għalhekk jibdew imorru lura u xi wħud imutu. Iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ numru ta’ speċi tal-baħar jitħawwad, speċjalment fejn tidħol reproduzzjoni,” jikteb Andrea Muscat fuq is-sit Maltese Islands Weather.
Hu jkompli jikteb li aktar minn hekk, l-ambjenti (speċjalment dawk fil-baxx) jinbidlu u jiddegradaw. L-ammont ta’ ossiġnu fl-ilma jibda jvarja aktar ukoll. Fl-aħħar minn l-aħħar, xi speċi aljeni jsibuha aktar faċli li jinfirxu f’baħar aktar sħun u b’hekk ikunu jistgħu jieħdu vantaġġ fuq speċi indiġeni tal-post.
F’dawn l-aħħar jiem, it-temperatura tal-baħar laħqet 29⁰C. Dan huwa xi 2⁰C ogħla mill-medja għal dan iż-żmien tas-sena. Tidher li hija differenza minima, pero’ hija differenza kbira mmens meta qed nitkellmu dwar it-temperatura tal-baħar. Aktar ma togħla t-temperatura tal-baħar anqas tiffriska l-arja billejl. Filfatt, nistennew li t-temperatura minima tibqa tkun ħafna ogħla mill-medja għal tul ta’ żmien itwal minn kemm iddum dik massima.
“Il-baħar sħun se jwassal għal rati ta’ evaporazzjoni akbar. Dawn iwasslu għal livelli għola ta’ umdita. Aktar ma tkun ogħlja l-umdita, l-arja tinħass aktar sħuna u mdellka. Temperatura ta’ 30⁰C tista faċilment tinħass daqs li kieku qiegħdha 38⁰C minħabba umdita għolja. Rata ta’ evaporazzjoni ogħla jaf ikollha implikazzjoni oħra fit-temp tagħna matul il-ħarifa. Kif is-sajf jibda jagħti għal ħarifa, arja friska minn fuq l-Ewropa tibda tersaq lejn iċ-ċentru tal-Mediterran,” jgħid Muscat.
Id-differenza bejn l-arja sħuna u umda madwarna u l-arja friska ġejja minn barra tista aktar faċilment twassal għal instabbilita akbar fuqna. Dan jista jwassal għal iżvilupp ta’ sistemi ta’ maltemp aktar intensi. Apparti minn hekk, arja aktar umda jfisser li hemm aktar ilma fl-atmosfera biex isaħħaħ il-maltemp.
Numru ta’ bajjiet baxxi żviluppaw kulur ħadrani wkoll. Il-baħar sħun ferm u tnaqqis fiċ-ċirkolazzjoni jwassal għal proċess naturali magħruf bħala ewtrofikazzjoni. Dan iseħħ meta alga tat-tip phytoplankton u cyanobacteria jimmultiplikaw b’ritmu mgħaġġel u jirriżultaw f’żieda fil-proċess tal-fotosintesi. F’baħar magħluq din tati dehra ħadranija. Dan il-proċess jiggrava sew meta jkunu nvoluti fatturi bħal fertilizzanti, tniġġiż minn fish farms, drenaġġ, skart u prodotti oħrajn li fihom il-fosfru.