Iċ-Ċina qed tipproponi bidla fil-liġi li jekk tiġi approvata tippermetti lill-awtoritajiet jimmultaw u jżommu nies milli jilbsu ħwejjeġ li jweġġgħu s-sentimenti tan-nazzjon. Dan kollu qajjem tħassib dwar il-libertà tal-espressjoni fil-pajjiż.
Aktar kmieni dan ix-xahar, il-Kumitat Permanenti tal-Kungress Nazzjonali tal-Poplu, żvela din il-proposta fuq is-sit elettroniku tiegħu, fejn qal li l-pajjiż qed ifittex li jipprojbixxi ħwejjeġ u simboli meqjusa bħala ta’ detriment għall-ispirtu tan-nazzjon Ċiniż, kliem li ta’ spiss jintuża biex jindika l-patrijottiżmu.
Ġaladarba din il-liġi tgħaddi, fiċ-Ċina ssir illegali li wieħed jilbes oġġetti u ħwejjeġ li fihom kliem ta’ offiża. L-istess liġi tgħid li dawk li jinqabdu, jistgħu jiffaċċjaw sentenzi ta’ 15-il jum detenzjoni u multa li tista titla għal 5,000 wan, jiġifieri 681 dollaru amerikan.