Friday, May 3, 2024

Sentenza sospiża għal żagħżugħ li ammetta li ħaraq żewġ muturi

Aqra wkoll

Żagħżugħ ta’ 20 sena ġie kkundannat sentenza sospiża wara li ammetta illi ħaraq żewġ muturi. Iż-żagħżugħ, residenti n-Nadur (Għawdex), tressaq il-Qorti iktar kmieni llum b’rabta ma’ ħruq ta’ żewġ muturi.

Il-każ seħħ nhar it-2 ta’ Settembru li għadda meta għall-ħabta tal-5:30 p.m., il-Pulizija, flimkien mal-membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, intalbu jassistu fi Triq Piju Cellini, in-Nadur.

Hemmhekk instabu żewġ muturi, li kienu pparkjati quddiem residenza, jaqbdu. Wara li ntfew in-nirien, minnufih bdew l-investigazzjonijiet tal-Pulizija, waqt li ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Simone Grech li ħatret inkjesta.

Iż-żagħżugħ tressaq taħt arrest fil-Qorti t’Għawdex quddiem il-Maġistrat Dr Brigitte Sultana akkużat li volontarjament ħaraq żewġ muturi, kif ukoll li għamel ħsara fuq faċċata ta’ residenza privata kawża tan-nirien.

Huwa ammetta l-akkużi miġjuba kontrih u ġie kkundannat sena ħabs sospiża għal tliet snin, kif ukoll ingħatat ordni ta’ trattament fil-konfront taż-żagħżugħ.

Sport