Meta l-President Ċiniż Xi Jinping tela’ fil-poter fl-2012, huwa wiegħed li jeqred il-korruzzjoni fil-livelli kollha tal-Partit Komunista. Għaxar snin wara, ir-ritmu tal-investigazzjonijiet ma naqasx. Is-sena l-oħra, l-awtoritajiet dixxiplinarji taċ-Ċina fetħu investigazzjonijiet dwar aktar minn miljun persuna, inklużi aktar minn 100 uffiċjal li jokkupaw karigi fil-livell ministerjali jew provinċjali, jew ogħla.
Waqt li uffiċjali tal-Partit Komunista Ċiniż jibdew laqgħa importanti din il-ġimgħa, id-dixxiplina, flimkien mal-lealtà lejn il-Partit, tinsab fuq quddiem nett tal-aġenda. Għal dawk li jippruvaw janalizzaw is-sinjali moħbija fil-politika Ċiniża, it-tħassib dwar in-nuqqas evidenti ta’ dixxiplina huwa s-suġġett dominanti fid-diskussjonijiet fi ħdan il-Partit.
Il-”Ħames Plenarja” bdiet nhar it-Tnejn u mistennija tiffoka prinċipalment fuq kwistjonijiet ewlenin dwar it-tisħiħ tal-awto-governanza sħiħa u rigoruża tal-Partit, skont il-midja statali Ċiniża. Fil-lingwaġġ użat mill-Partit Komunista, it-terminu “governanza” jirreferi fil-fatt għad-dixxiplina, il-lealtà u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni.
Hekk kif il-president Xi jkompli jieħu miżuri ħorox kontra l-korruzzjoni, il-fatt li l-investigazzjonijiet kważi dejjem iwasslu għal ħtija jqajjem il-mistoqsija dwar jekk dawk li jispiċċaw fil-mira humiex verament ħatja ta’ korruzzjoni jew inkella humiex sempliċiment rivali politiċi ta’ dawk li qegħdin fil-poter.
Analisti jsostnu li r-raġuni għalfejn il-kampanja kontra l-korruzzjoni baqgħet għaddejja għal żmien daqshekk twil hija li l-korruzzjoni mhix xi difett aċċidentali, iżda karatteristika intrinsika ta’ sistema politika awtoritarja u ċentralizzata, b’burokrazija vasta li tmexxi 1.4 biljun ruħ.
Neil Thomas, riċerkatur anzjan fit-think tank Asia Society, kien qal li “l-President Xi għamel il-Partit inqas korrott u saħħaħ il-kontroll tiegħu, iżda jaf li kastigi aktar ħorox ma jistgħux isolvu kompletament il-problema ta’ uffiċjali li jpoġġu l-interessi tagħhom stess qabel dawk tal-Partit.”
It-tweġiba ta’ Xi Jinping hija li jkompli jissikka d-dixxiplina, u jagħmel il-ġlieda kontra l-korruzzjoni metodu permanenti ta’ tmexxija, mingħajr ma jkun hemm punt ċar fejn jista’ jiddikjara li x-xogħol tlesta.
Dan ix-xogħol jista’ jkun wieħed li qatt ma jintemm, iżda l-plenarja toffri opportunità biex l-enerġija tal-Partit terġa’ tiġi ffukata fuq id-dixxiplina. Il-ħames plenarja huwa l-ħames minn sensiela ta’ seba’ laqgħat li normalment isiru f’kull ċiklu ta’ ħames snin bejn il-kungressi tal-Partit Komunista Ċiniż. Dawn il-plenums jiġbru flimkien aktar minn 300 membru tal-Kumitat Ċntrali tal-Partit – l-ogħla uffiċjali fl-istruttura tal-Partit.
Din il-laqgħa hija partikolarment sinifikanti għaliex x’aktarx se tkun l-aħħar laqgħa ta’ importanza kbira qabel il-21 Kungress tal-Partit is-sena d-dieħla; f’dan il-kungress se jintgħażel Kumitat Ċntrali ġdid, u huwa mistenni li Xi Jinping jiġi kkonfermat għar-raba’ mandat bħala l-mexxej tal-Partit Komunista Ċiniż.




