Thursday, November 14, 2024

Iċ-Ċina tipprojbixxi lill-players tat-team nazzjonali mit-tattoos

Aqra wkoll

Il-players li jilagħbu mat-team nazzjonali taċ-Ċina ġew ipprojbiti milli jagħmlu tattoos – u ngħataw parir biex ineħħu dawk li għandhom – taħt direttiva ġdida.

Il-korp tal-amministrazzjoni spor­tiva tal-pajjiż qal li r-reklutaġġ ta’ players ġodda bit-tattoos fil-livell nazzjonali u fl-iskwadri taż-żgħażagħ kien “strettament ipprojbit”.

L-amministrazzjoni qalet li din il-mossa tgħin biex tagħti “eżempju tajjeb lis-soċjetà”.

Xi stilel nazzjonali, inkluż id- difensur Zhang Linpeng, qabel qalulhom biex jgħattu t-tattoos tagħhom.

Iċ-Ċina ilha dejjem aktar iżżid ir-regolament min-nofs l-2018 biex twaqqaf li jintwerew fuq l-isceens. Minn dak inhar players profes­sjonali bdew jgħattu dirgħajhom bi kmiem twal biex jaħbu l-arti tal-ġisem tagħhom.

Fi stqarrija, l-Amministrazzjoni Ġenerali tal-Isport (GAS) tal-pajjiż qalet li players tat-team nazzjonali bit-tattoos ingħataw “parir biex jitneħħew”.

“F’ċirkostanzi speċjali, it-tattoos għandhom ikunu koperti waqt it-taħriġ u l-kompetizzjoni, bil-kunsens tal-bqija tat-team,” kompliet l-istqarrija.

Fil-kultura Ċiniża twaħħlet stigma mat-tattoos – fil-passat kienu jintużaw biex jimmarkaw lill-kriminali u t-tatoo għad għandu rabtiet ma’ gruppi ta’ kriminalità organizzata fl-Asja tal-Lvant. Tattoos fost il-gruppi etniċi ħafna drabi kienu meqjusa bħala marka ta’ dawk mhux ċivilizzati.

Huma diżapprovati mill-Partit Komunista fil-Gvern taċ-Ċina, iżda saru dejjem aktar popolari fost iż-żgħażagħ Ċiniżi.

Aktar kmieni din is-sena, ir-re­golatur tax-xandir taċ-Ċina ħabbar li kien qed jissikka r-regoli dwar dak li ddeskriva bħala “kontenut mhux tajjeb għas-saħħa”.

Id-dehriet fuq it-televiżjoni u l-internet minn personalitajiet sportivi u ċelebritajiet ġew ristretti f’każijiet li jinvolvu tattoos u toppu tal-irġiel – f’xi każijiet dawn ġew imċajpra mill-iscreens.

F’Diċembru li għadda, logħba tal-football universitarju tan-nisa fiċ-Ċina kellha titwaqqaf wara li l-players qalulhom li ma kienux se  jitħallew jiżbgħu xagħarhom.

L-organizzaturi tal-partita, in- National Youth Campus Football League, dak iż-żmien fi stqarrija kienu qalu: “L-atleti fl-istadji kol­lha m’għandhomx ikollhom tattoos, jiżbgħu xagħarhom, ikollhom stili ta’ xagħar strambi, jew inkella jilbsu xi aċċessorji, għax ma jkunux eliġibbli li jilagħbu f’xi kompetizzjoni.”

Ekonomija

Sport