Monday, May 13, 2024

IĊ-ĊITTADIN FIĊ-ĊENTRU TAS-SERVIZZ PUBBLIKU

Aqra wkoll

Is-Servizz Pubbliku jinsab fi stat li jkompli jsaħħaħ u jimmodernizza s-servizzi tiegħu għall-benefiċċju taċ-ċittadini. Dan fil-kuntest li s-servizzi huma mifruxa sew u varjati. Għalhekk huwa importanti li għaż-żmien li ġej, is-servizz pubbliku jagħraf jisfrutta l-avvanzi mgħaġġla fit-teknoloġija, anke f’dak li għadu x’jaqsam mal-Intelliġenza Artifiċjali.

Dan bil-għan li jnaqqas l-iskariġġ ta’ min jiġi bżonn servizz pubbliku. F’dawn l-aħħar snin sar investiment qawwi favur il-qalba diġitali tas-servizz pubbliku, bil-Gvern jagħmel ċert li dawn il-bidliet isiru mingħajr ma jinxteħtu piżijiet fuq il-poplu, speċjalment fuq dawk li jifilħu l-inqas.

Aħna nfaħħru l-inizjattiva li kienet inbdiet minn uħud mill-Kunsilli Lokali li joffru servizz ta’ trasport bla ħlas lill-anzjani fil-qadi tagħhom speċjalment dawk li jkollhom appuntament f’xi ċentri tas-saħħa, inkluż fl-isptar Mater Dei.

Ma nistgħux ukoll ma ngħidux kliem ta’ tifħir għall-fatt li qed ikomplu jiżdiedu aktar servizzi teknoloġiċi biex Malta saħħet postha fil-quċċata tal-eGovernment fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Dan juri wkoll l-impenn tal-Gvern li s-servizz pubbliku jitbiegħed minn proċessi tradizzjonali u jersaq aktar lejn id-diġitalizzazzjoni.

Sabiex il-poplu jkompli jifhem il-ħidma tal-amministrazzjoni pubblika u kif is-servizz jista’ jintlaħaq miċ-ċittadin b’mod aħjar u effiċjenti, il-ġimgħa d-dieħla se tittella’ l-expo tas-Servizz Pubbliku li se sservi ta’ vetrina għall-aqwa għodod diġitali li jagħmel użu minnhom is-servizz pubbliku f’kull settur u qasam tal-ħajja. Fl-istess waqt li ċ-ċittadin ikun informat aħjar dwar kif jista’ jilħaq dawn is-servizzi mingħajr burokazija żejda u ħafna mili ta’ formoli.

Filwaqt li napprezzaw il-progress li qed isir f’dan il-qasam, nittamaw illi jiżdied aktar il-kordinament bejn id-Dipartimenti varji tas-servizz pubbliku. B’hekk iċ-ċittadini jinqdew b’aktar faċilità.

Għalhekk filwaqt li huwa ta’ min ifaħħar il-ħidma ta’ dawk kollha involuti biex tittella’ din l-edizzjoni tal-Expo, jeħtieġ li s-Servizz Pubbliku jibqa’ miexi fit-triq li qabad b’ambizzjoni li jkompli jtejjeb aktar is-servizzi tiegħu. Tajjeb li inizjattivi bħal dawn ikomplu jsiru kull tant żmien.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport