Thursday, November 20, 2025

Iċċelebrat il-Jum Internazzjonali tat-Tfal

Aqra wkoll

Illum kien iċċelebrat il-Jum Internazzjonali tat-Tfal, jum li jkompli jamplifika l-importanza li t-tfal ikunu dejjem fiċ-ċentru ta’ kull deċiżjoni li tittieħed dwarhom. Aktar minn hekk, naċċertaw li kull tifel u tifla, ikollhom id-dritt li jitkellmu, u jesprimu l-emozzjonijiet tagħhom  dwar kull sitwazzjoni li tinvolvihom.

Dan u aktar kien diskuss f’konferenza li fiha kien ippublikat riċerka lokali dwar l-Impatt tat-Teknoloġija fuq it-Tfal. Studju li sar fuq 1,800 tifel u tifla bejn is-7 u l-15-il sena. Studju, li minnu ħareġ ċar li l-integrazzjoni wiesgħa tat-teknoloġija diġitali f’ħajjet it-tfal, trasformat kif jitgħallmu, jikkomunikaw, u jiżviluppaw.  Minkejja dawn il-vantaġġi edukattivi, ħareġ li jikbru r-riskji marbuta mas-saħħa fiżika u dik mentali. 

Aktar minn hekk ħin twil quddiem screens, iwassal ukoll għall-bidliet fil-ħinijiet tal-irqad u iżolament soċjali fost oħrajn. Għaldaqstant, dan l-istudju jenfasizza l-importanza ta’ gwida kontinwa mill-ġenituri, jew dawk li għandhom kura tat-tfal.  

Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon qal li din l-informazzjoni miġbura ser tkompli twassal għal politika komprensiva li tassisti u tipproteġi lit-tfal. “Huwa kruċjali li niksbu impenn dirett mit-tfal, nisimgħu l-opinjonijiet tagħhom, u ninkluduhom f’diskussjonijiet u proċessi ta’ deċiżjoni. Dan jiżgura li nattwaw mekkaniżmi effettivi biex nħarsu l-interessi tagħhom,” stqarr il-Ministru Michael Falzon.

Min-naħa tagħha, l-Kummissarju għat-Tfal Antoinette Vassallo stqarret li t-teknoloġija qed ikollha impatt fuq il-ħajja tat-tfal, u għalhekk ġie mniedi studju nazzjonali biex jiġi mifhum l-impatt tagħha fuq il-benesseri tagħhom u biex il-politika tkun ibbażata fuq evidenza reali. Hija enfasizzat li t-tfal għandhom ikunu parti attiva fid-diskussjonijiet u għandu jinħoloq ambjent diġitali aktar sigur u edukattiv. Hija żiedet tgħid li għandna nkomplu naħdmu flimkien biex it-tfal ikollhom esperjenzi pożittivi online.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport