Friday, October 11, 2024

ICM tirrakkomanda l-għoti ta’ kuntratt ta’ €34.2 miljun għall-cables taħt l-art tal-proġett tal-enerġija bejn Malta u Sqallija

Aqra wkoll

Interconnect Malta laħqet tragward importanti fl-iżvilupp tat-tieni interconnector tal-elettriku ta’ Malta (IC2) bir-rakkomandazzjoni għal għoti ta’ kuntratt ta’ €34.2 miljun għall-manifattura u l-installazzjoni tal-cables li ser jgħaddu minn taħt l-art.

Wara proċess ta’ evalwazzjoni dettaljata, SELT SpA ġiet magħżula biex twettaq din il-fażi kruċjali tal-proġett.

Il-kuntratt jinkludi l-provvista, it-tħaffir, l-installazzjoni, u r-restawr ta’ 21 kilometru ta’ cable ta’ vultaġġ għoli fi Sqallija, li jibda mill-punt fejn jidħol il-cable li jkun ġej minn taħt il-baħar f’Marina di Ragusa sal-istazzjon ta’ 220kV f’Ragusa.

F’Malta, 1.8 kilometru ta’ cable ser jitqiegħed bejn it-terminal tal-Magħtab u l-post fejn jidħol il-cable li jkun ġej minn taħt fl-Għallis.

Dan il-proġett huwa parti minn strateġija usa’ ta’ Malta biex ittejjeb is-sigurtà tal-enerġija u żżid l-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli fil-grid nazzjonali tal-elettriku. Il-proġett IC2 se jirdoppja l-konnessjoni elettrika ta’ Malta ma’ Sqallija, u jippermetti aktar stabbiltà u flessibilità biex jiġu inkorporati sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.

Minbarra l-cables li hemm bżonn taħt l-art, bħalissa qed isiru żewġ tenders oħra: kuntratt ta’ €185-il miljun għall-manifattura u l-installazzjoni tal-cable li ser jitqiegħed taħt il-baħar, u kuntratt ta’ €12-il miljun għal switchgear ta’ 220kV, pannelli tal-kontroll, u sistemi tat-tifi tan-nar. Dan ser iwassal biex l-infrastruttura tal-enerġija ta’ Malta tkompli titjieb u tissaħħaħ.

Il-Ministru tal-Enerġija Miriam Dalli saħqet dwar l-importanza tal-IC2 għall-miri tal-klima ta’ Malta, u qalet, “Dan il-proġett huwa pass kruċjali lejn il-viżjoni tagħna għal enerġija aktar nadifa u sostenibbli. L-IC2 se jipprovdi l-kapaċità meħtieġa biex jiġu integrati aktar sorsi ta’ enerġija li tiġġedded, inaqqsu d-dipendenza tagħna fuq sorsi tradizzjonali, u tinfetaħ t-triq għal proġetti futuri tal-enerġija iġġenerata mir-riħ barra mill-kosta flimkien mal-użu tal-batteriji fuq skala kbira imqabbdin mal-grid tal-elettriku (BESS).”

“Inħossuna sodisfatti li tender sinifikanti tal-proġett tal-konnessjoni elettrika bejn Malta u Sqallija ġie rakkomandat għal għoti. L-interconnector b’mod effettiv se jirdoppja il-kapaċità elettrika eżistenti bejn Malta ma’ Sqallija, u ser jipprovdi benefiċċji notevoli għall-pajjiż. Filwaqt li l-kumplessità u l-ispejjeż involuti huma konsiderevoli, dan it-tragward jirrifletti l-impenn ta’ ICM biex twassal wieħed mill-aktar proġetti ambizzjużi li għandha Malta fl-enerġija, dan filwaqt li niżguraw li kull pass jittieħed fl-aħjar interess tal-bżonnijiet tal-enerġija ta’ Malta,” qal il-kap eżekuttiv Inġ. Ismail D’Amato.

Kofinanzjat mill-UE taħt il-Programm ta’ Fondi għall-Iżvilupp Reġjonali Ewropew (ERDF) 2021-2027, il-proġett IC2 jirrappreżenta investiment sinifikanti fl-infrastruttura tal-enerġija ta’ Malta u s-sostenibbiltà fit-tul.

Informazzjoni dwar IC2

Il-Proġett ġie approvat għall-finanzjament mill-ERDF, speċifikament taħt il-Prijorità 2, ‘Promozzjoni ta’ transizzjoni lejn enerġija nadifa u ġusta, il-ġestjoni sostenibbli tal-ilma mormi, u l-investiment ekoloġiku’, u l-Għan Speċifiku 2.3, ‘Żvilupp ta’ sistemi ta’ enerġija intelliġenti, grids elettriċi, u l-ħażna ta’ enerġija lil hinn min-netwerk TEN-E’.

Dan il-proġett ġie klassifikat bħala ‘Operazzjoni ta’ Importanza Strateġika’ minħabba l-kontribut sinifikanti tiegħu għat-twettiq tal-prijoritajiet nazzjonali għall-Programm 2021-2027. Il-finanzjament tal-ERDF allokat għall-Proġett jammonta għal €165 miljun u se jkopri aktar minn nofs l-ispejjeż totali tal-investiment li huma stmati li ser ilaħħqu it- €300 miljun.

Dwar Interconnect Malta:

Imwaqqfa fl-2021, Interconnect Malta Ltd (ICM) hija kumpanija tal-gvern taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir (MEER) u għandha ir-responsabbiltà li tiżviluppa proġetti infrastrutturali ewlenin tal-enerġija.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport