Saturday, December 21, 2024

Id-Dar tal-Providenza onorata bil-Premju taċ-Ċittadin Ewropew 2021

Aqra wkoll

“Id-Dar tal-Providenza u l-proġett tagħha ‘Monument tal-Ħniena’ juri lill-Istituzzjonijiet Ewropej kollha dak li aħna l-Maltin konna diġà privileġġjati li nkunu nafu,” qal l-MPE Alex Agius Saliba (S&D, MT) li ppreżenta l-midalja tal-Premju taċ-Ċittadin lid-Direttur tad-Dar tal-Providenza Dun Martin Micallef. Huwa faħħar ix-xogħol id-Dar tal-Providenza u lil Dun Martin personalment għall-ħidma tad-Dar li l-ispirtu ta’ komunita tagħha jinħass mar-raħal kollu tas-Siġġiewi fejn huwa residenti.

“Id-Dar tal-Providenza tinkorpora l-aħjar valuri li aħna bħala Maltin u l-Ewropej ngħożżu bil-qalb. Il-ħidma eċċellenti tagħha f’ċirkostanzi eċċezzjonalment diffiċli mal-aktar grupp vulnerabbli ta’ nies fis-soċjetà tagħna hija dimostrazzjoni tal-aħjar valuri tal-UE u tipprovdi eżempju għalina lkoll” qal il-MPE Agius Saliba.

Id-Direttur tad-Dar tal-Providenza Dun Martin Micallef, esprima apprezzament r-rikonoxximent mill-Parlament Ewropew, u ta’ stampa tal-ħidma tal-organizzazzjoni fil-kuntest Ewropew.

“L-istrateġija tal-UE għall-persuni b’diżabilità bejn l-2021 u l-2030, hija mibnija madwar ir-rikonoxximent tad-drittijiet mogħtija fil-pajjiżi varji minn pajjiżi oħra fl-Ewropa, ħajja independenti u fejn possibbli awtonoma u t-tneħħija tad-diskriminazzjoni u l-ħolqien ta’ opportunitajiet indaqs f’kull livell possibbli,” huwa nnota.

“Dawn jintisġu mal-kunċett ta’ dinjità, kunċett li huwa l-qofol ta’ dak kollu li nbeda minn Mons Mikiel Azzopardi meta ħolom u beda jaħdem fuq il-proġett tad-Dar tal-Providenza, u li tant Maltin u Għawdxin emmnu u sostnew tul is-snin.

“Ir-rikonoxximent ta’ din il-ħidma fuq livell Ewropew ikompli jinkoraġġina fl-impenn tagħna, biex ħidmietna fid-Dar tal-Providenza tkompli tissaħħaħ, biex is-sens ta’ dinjità lill-persuni b’diżabilità, jkompli jitkattar f’kull ħidma li ssir f’dan il-qasam,” qal Dun Martin.

“Il-Parlament Ewropew ma jagħmilx biss il-liġijiet, imma jħobb ukoll jippromwovi dak li hu tajjeb,” qal il-Kap tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta Dr Mario Sammut.

“Minkejja d-diffikultajiet li ħabbtet rasha magħhom waqt il-pandemija, id-Dar tal-Providenza kompliet tipproteġi lil dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà tagħna. Ix-xogħol eċċellenti tagħhom f’ċirkostanzi tant diffiċli, juri l-aqwa tal-valuri Ewropej. Ir-rikonoxximent ta’ dan l-isforz u ta’ din id-dedikazzjoni huwa ta’ importanza kbira għall-Parlament Ewropew, u għalhekk dan il-Premju.”

L-avveniment tal-lum se jkun segwit minn Ċerimonja Ewropea ta’ Premjazzjoni fi Brussell għaċ-ċittadini rikonoxxuti b’dan il-premju fl-Istati Membri differenti tal-UE. Minħabba l-pandemija tal-COVID-19 din ma kinitx saret is-sena l-oħra, u għalhekk se ssir ċerimonja ta’ premjazzjoni doppja kemm għar-rebbieħa tal-Premju taċ-Ċittadin tal-2020 kif ukoll tal-2021 fil-Parlament Ewropew fid-9 ta’ Novembru 2021. Ir-rebbieħ ta’ Malta tas-sena l-oħra, il- Lockdown Festival Malta, se jingħaqad għal din mad-Dar tal-Providenza. 

Rebbieħa reċenti oħra tal-Premju taċ-Ċittadin f’Malta jinkludu lil Bjorn Formosa ta’ ALS Malta u l-Għaqda Każini tal-Baned.

Tagħrif dwar ir-rebbieħa:

Il-proġett tad-Dar tal-Providenza, deskritt bħala monument tal-ħniena, huwa r-rebbieħ tal-Premju taċ-Ċittadin 2021 tal-Parlament Ewropew għal Malta b’rikonoxximent tal-espressjoni li jagħti tal-aħjar valuri Maltin u Ewropej. 

In-nomina tar-rebbieħ ta’ din is-sena, imressqa mill-MPE Roberta Metsola u David Casa (PPE, MT), qalet li l-missjoni tal-proġett li jipprovdi djar b’ambjent simili għall-familja, hija waħda li tintegra u tagħti s-setgħa lin-nies b’diżabilità fil-komunità, f’konformità man-normi u l-valuri tal-UE, u dan ix-xogħol kompla jitwettaq anke fiċ-ċirkostanzi eċċezzjonalment diffiċli tas-sena l-oħra.

Tagħrif dwar il-Premju:

Il-Premju ta’ taċ-Ċittadin Ewropew jingħata kull sena għal kisbiet eċċezzjonali minn ċittadini fl-Istati Membri tal-UE.

In-nominazzjonijiet jistgħu jiġu sottomessi minn ċittadini Ewropej, gruppi ta’ ċittadini, assoċjazzjonijiet u organizzazzjonijiet, kif ukoll mill-MPE, għal proġetti eċċezzjonali li huma jew in-nominati tagħhom wettqu.

Eliġibbli huma proġetti nazzjonali, transkonfinali u pan-Ewropej li jippromwovu integrazzjoni u kooperazzjoni eqreb, kif ukoll il-valuri minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea: dinjità, ugwaljanza, solidarjetà, ġustizzja, drittijiet taċ-ċittadini u libertajiet.

Ġurija nazzjonali tagħżel lista qasira ta’ ħames proġetti għall-konsiderazzjoni finali mill-Kanċellerija tal-Premju, immexxija mill-President tal-Parlament Ewropew, li tagħżel ir-rebbieħ nazzjonali tal-Premju taċ-Ċittadin Ewropew.

Ekonomija

Sport