Saturday, May 4, 2024

“Meta xi ħadd jirrikorri għal dawn is-servizzi, ħafna drabi ma tkunx deċiżjoni li ttieħdet faċilment” – Ruth Cassar Bonanno

Aqra wkoll

Minn – CHARLO LAUTIER

Il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali hija l-aġenzija nazzjonali għas-servizzi soċjali f’Malta u Għawdex. Din il-Fondazzjoni toffri għajnuna minn professjonisti mħarrġin apposta f’dan il-qasam. Il-Fondazzjoni timpjega ‘l fuq minn 850 impjegat li l-maġġoranza assoluta tagħhom (73%) huma ħaddiema soċjali (social workers), terapisti tal-familja, psikologi, psikoterapisti, ħaddiema fil-komunità (community workers), ħaddiema maż-żgħażagħ (youth workers), social mentors u support workers fost l-oħrajn. L-FSWS taħdem ukoll fl-isptarijiet u ċentri tas-saħħa, tmexxi l-linji 179 u 1772 u tikkordina l-inizjattiva tal-Unjoni Ewropeja għal internet aktar sikur permezz tal-programm Be Smart Online! u ċ-Child Web Alert

L-Uffiċjal tal-Komunikazzjoni fi ħdan il-Fondazzjoni Charlo Lautier tkellem fid-dettal ma’ psikologa li tagħmel parti mit-tim ta’ Psychological Services tal-Aġenzija Sedqa fi ħdan l-FSWS, Ruth Cassar Bonanno dwar il-karriera tagħha fil-fondazzjoni. 

X’ħajrek biex tagħżel din il-karriera ta’ Psikologa? 

Forsi anke qabel ma kont konxja li din teżisti bħala professjoni, minn dejjem nafni miġbuda lejn l-awtobiografiji u dejjem kont kurjuża biex nifhem l-aġir tal-bniedem speċjalment meta jkun differenti minn dak mistenni. Minn dejjem kelli x-xewqa li x-xogħol għalija ma jkunx biss sors ta’ dħul (li naturalment hu mportanti wkoll) però li ninvesti f’attività li fl-istess ħin biha nista’ nikkontribwixxi xi ħaġa lis-soċjetà ta’ madwari. B’danakollu ma qbadtx din il-linja mill-bidu, anke għall-fatt li fil-passat l-impjiegi f’dan s-settur kienu ftit u diffiċli. Minħabba dan il-fatt kont ilħaqt esperjenzajt bosta xogħlijiet differenti qabel ma ħadt id-deċiżjoni li nibda l-kors ta’ studju f’dan il-qasam.  

X’jirrikjedi x-xogħol ta’ Psikologu? 

L-ewwelnett ix-xogħol tal-psikologu jista’ jvarja ħafna peress li jiddependi wkoll f’liema settur jew qasam ikun jaħdem fih. Huwa għalhekk li hemm speċjalizzazzjonijiet differenti bħal ngħidu aħna, l-psikologu forensiku, kliniku kif ukoll edukattiv. B’mod ġenerali w sempliċi nistgħu ngħidu li l-psikologu jfittex li jifhem u jagħmel sens mill-esperjenza umana. U jagħmel dan billi jħares lejn l-aġir, l-emozzjonijiet u l-ħsibijiet, u kif f’sitwazzjoni jew kuntest speċifiku, jistgħu jkunu marbutin flimkien. Filwaqt li jibni kollaborazzjoni mal-klijent, il-psikologu jivvaluta s-sitwazzjoni u d-diffikultà li tkun ressqet lil individwu biex jitlob sapport, u flimkien jagħmlu sens minnha w jesplora soluzzjonijiet kif tinħass il-ħtieġa. Dan kollu jsir fi spazju marbut b’kunfidenzjalità u li jinbena madwar il-bżonnijiet tal-klijent.

X’esperjenza pożittiva għandek f’dan ix-xogħol? 

L-esperjenza f’dan il-qasam għallmitni li meta xi ħadd jirrikorri għal dawn is-servizzi, ħafna drabi ma tkunx deċiżjoni li ttieħdet faċilment u għax verament dak li jkun ikollu x-xewqa u t-tama li jbiddel, jew itejjeb xi ħaġa f’ħajtu. Il-persuna li tiġi għandek tkun qed taqsam din ix-xewqa u t-tama miegħek u tafda li tista’ tkun magħha f’dan il-perkors (fir-rwol professjonali). Inħoss li dan huwa privileġġ, mhux biss li jagħti ħafna sodisfazzjon, imma naturalment li jġib miegħu ħafna responsabbiltà wkoll. Dan ix-xogħol tani l-opportunità li nkun xhud tal-kapaċità u l-abilità kbira li l-bniedem għandu biex joħloq bidla u jdawwar ħajtu fuq ir-rotta li twasslu biex jilħaq għanijiet tiegħu.  

Kif tindirizzaw każijiet diffiċli? 

Trend li nosservaw f’dawn is-servizzi hi li ta’ spiss l-għażla li wieħed ifittex sapport professjonali titħalla bħala l-aħħar għażla. U filwaqt li ċerta li jkun hemm raġunijiet validi għalfejn jiġri dan, peress li forsi wieħed ma jkunx imdorri jitlob għajnuna, jew isibha diffiċli jiftaħ qalbu, sfortunatament hekk id-diffikultà tilħaq trabbi l-għeruq u tidħol fil-fond, u forsi s-sitwazzjoni tkun laħqet ikkumplikat ruħha sew. Allura kull każ tista’ tgħid li huwa diffiċli bil-mod tiegħu. 

B’danakollu hemm sitwazzjonijiet li huma iżjed kumplessi minn oħrajn u li jirrikjedu ħafna xogħol li jmur lil hinn mit-terapija. Parti ntegrali mix-xogħol tagħna hija fil-fatt il-kollaborazzjoni ma’ servizzi oħrajn, kemm interni li jagħmlu parti mill-fondazzjoni kif ukoll ma’ entitajiet oħrajn li jkunu konnessi mas-sitwazzjoni tal-klijent li tkun qed taħdem miegħu. Inħossu li l-kollaborazzjoni bejn il-professjonisti li jkunu nvoluti fil-ħajja tal-klijenti u l-familji li naħdmu magħhom hija fundamentali. Dan naturalment isir dejjem bil-kunsens tal-klijent (ħlief fl-eċċezzjonijiet bażiċi).

Kif tkunu ċerti li n-nies li jkollkom quddiemkom, ġenwinament għandhom bżonn l-għajnuna? 

Nista ngħid li aħna dejjem nitilqu mit-twemmin bażiku li kull individwu hu l-espert ta’ ħajtu u tas-sitwazzjoni tiegħu, hi x’inhi dik li ressqitu biex jitlob is-sapport. Għaldaqstant f’dak ir-rigward id-deċiżjoni tal-persuna titqies ġenwina dejjem. B’danakollu ma neskludix li kultant jista’ jkun il-każ li l-għanijiet u x-xewqat tal-individwu ma jkunux it-tip li jistgħu jintlaħqu permezz tas-servizzi terapewtiċi – huwa għalhekk li kull talba għas-servizz tiġi evalwata qabel ma jinbeda x-xogħol biex jiġi determinat l-aħjar kors ta’ azzjoni.

Taħseb li bil-kors tal-Università biss, tkun lesta tindirizza l-problemi li tiltaqà magħhom? 

Il-kors tal-Università jagħtik il-bażi akkademika li naturalment hija ferm importanti però mhix biżżejjed. L-ewwelnett il-perkors akkademiku jikkonsisti f’żewġ livelli; wieħed jibda l-università stess billi jġib l-ewwel degree, idealment biex imbagħad isib impieg li jagħtih iċ-ċans biex jibda jibni l-esperjenza prattika meħtieġa biex finalment twasslek tkompli bil-programm tal-Masters. F’dan il-livell hemm enfasi kbira mhux biss fuq l-aspett teoriku imma wkoll fuq it-taħriġ prattiku. Aspett ieħor importanti ħafna fil-preparazzjoni professjonali hi s-superviżjoni klinika, element ieħor li flimkien mat-taħriġ kontinwu huwa fundamentali biex isostni lil psikologu fil-ħidma tiegħu. 

Kemm tiltaqgħu ma; każijiet f’sena? 

Jekk nibbażaw fuq is-sena li għaddiet, nista ngħidlek li segwejna ‘l fuq minn 400 persuna fis-servizzi tagħna. 

Kif kellkom tadattaw ix-xogħol tagħkom fi żmien il-pandemija? 

Bħal ma kien mistenni, aħna segwejna d-direttivi u r-rakkommandazzjoni tal-awtoritajiet tas-saħħa pubblika. Dan għamilnieh fuq żewġ ambiti; kemm dik li hi l-preżenza tagħna fiżika fuq il-post tax-xogħol, kif ukoll il-kuntatt mal-klijenti li konna qed noffru s-servizz lilhom. Filwaqt li l-bżonn li nadattaw kienet hemm u għadha għal kulħadd, però ma tolqotx lil kulħadd bl-istess mod. L-esperjenza ma tkunx l-istess għal kulħadd. Għalkemm kienet sfida mhux żgħira nħoss li grazzi għall-kollaborazzjoni ta’ kulħadd inkluż tal-klijenti stess, irnexxielna nkomplu naħdmu u noffru s-servizz tagħna filwaqt li nagħmlu dan b’mod li stajna nipproteġu w nieħdu ħsieb is-saħħa ta’ kulħadd. Fi żmien il-lockdown ta’ sena ilu bdejna minnufih nesploraw mal-klijenti tagħna mezzi oħrajn ta’ kif stajna nilħquhom. Bħal kulħadd bdejna nutilizzaw sistemi onlajn u kemm stajna ħadna anke taħriġ biex nifhmu dan il-mod eżattament x’jinvolvi u kif l-aħjar li jiġu adatti s-servizzi tagħna fuq din it-tip ta’ pjattaforma. Grazzi għal dawn is-sistemi u għal abilità ta adattament ta’ dawk kollha involuti, rnexxielna nilħqu kull faxxa tas-servizzi offruti inkluż gruppi onlajn.  

 X’pariri tagħti lil dawk kollha li jixtiequ jidħlu fis-settur tal-qasam soċjali? 

Il-parir tiegħi huwa li nħeġġeġ lil dawk interessati jidħlu f’dan il-qasam biex jesperjenzaw bis-sħiħ kull aspett tal-perkors tat-taħriġ u jkunu paċenzjużi mal-proċess tagħhom, filwaqt li jinvestu biex jinbnew kemm professjonalment u personalment.

Sport