Thursday, April 25, 2024

Id-Dar tal-Providenza titlef wieħed mill-iktar residenti anzjani

Aqra wkoll

Kien fl-1975 meta Fredu Borg daħal fid-Dar tal-Providenza fejn baqa’ jgħix sakemm ftit tas-siegħat ilu tħabbret il-mewt tiegħu.

Bosta kienu dawk midħla tad-Dar li sellmu l-memorja ta’ dak li bil-karattru kwiet imma seren tiegħu kiseb is-simpatija mhux ta’ residenti u ħaddiema imma anke ta’ nies li żaru l-post kemm jekk bħala voluntiera kif ukoll biex jikkontribwixxu għal din ir-residenza.

Fuq il-profil tagħha tal-Facebook, id-Dar tal-Providenza iddeskriviet lil Borg bħala bniedem li kellu karattru sabiħ u li jħobb jinvolvi ruħu f’kollox.

“Kien iħob jaħdem fit-tafal, ipiniġi, joħroġ u jiltaqa’ man-nies. Is-safar kien il-gost tiegħu”, żiedet id-Dar.

Borg kien wieħed mir-residenti li żaru l-Vatikan fl-okkażjoni tal-50 sena mit-twaqqif tad-Dar u kellhom anke x-xorti li jiltaqgħu mal-Papa Franġisku.

Dan kien mument ieħor iebes għad-Dar tal-Providenza li minbarra li qed tiffaċċja sfida finanzjarja kaġunata mill-Covid19 se jkollha tgħaddi dawn ix-xhur mingħajr is-servizzi tad-Direttur tagħha, Fr Martin Micallef.

Fr Micallef, li l-Ħadd għalaq 24 sena mindu laħaq saċerdot, illum jibda’ il-kura kontra l-kanċer bit-tobba ottimisti li huwa jegħleb din il-battalja.

Sport