Friday, November 15, 2024

“Id-dedikazzjoni li kellu lejn il-ħaddiem kienet kbira ħafna” 

Elton Zarb ifakkar il-memorja ta’ missieru Tony

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Għaddiet ġimgħa mill-aħbar tal-mewt tal-eks Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Tony Zarb, u l-memorja tiegħu għadha u se tibqa’ mnaqqxa fil-qlub ta’ ħafna u ħafna Maltin li kienu jafuh mill-qrib speċjalment tal-ħaddiema li kienu tant għal qalbu. 

Is-Sur Zarb miet nhar il-Ħadd 29 ta’ Mejju li għadda fl-età ta’ 68 sena fi sptar fil-Belġju fejn kien qiegħed jingħata trattament mediku. Huwa kien l-aktar Segretarju Ġenerali tal-GWU li dam f’din il-kariga u kellu aktar minn 42 sena ta’ esperjenza fil-qasam trejdunjonistiku.

Ibnu Elton fakkar il-memorja ta’ missieru u ddeskrivieh bħala raġel li jħobb il-familja u li l-GWU għalih kien iqisha bħala t-tieni familja tiegħu. “L-imħabba li kellu għall-union kienet xi ħaġa li tħossha ġewwa fih. Konna ngħixuha. Kważi minn dejjem niftakru involut fil-qasam trejdunjonistiku,” qal Elton f’kummenti li għadda lil Talk.mt.

Elton żied jgħid li missieru ma kienx jaf jobgħod, kellu l-aspirazzjonijiet tiegħu u għalkemm tista’ ma taqbilx miegħu fl-aħħar mill-aħħar kien bniedem li jirrispetta u jifhem lil kulħadd.

F’dan il-mument diffiċli għalihom bħala familja, Elton jgħid li l-appoġġ li sabu mill-poplu Malti u Għawdxi, anke bl-ammont ta’ messaġġi li rċevew, kien wieħed kbir ħafna. “Kull fejn immorru, anke meta missieri kien rikoverat l-Isptar. Ir-rispons li kellna mingħand in-nies, isaqsu fuqu, kienet xi ħaġa kbira.”

Elton Zarb

Elton semma wkoll li missieru baqa’ sal-aħħar ġurnata jikteb fuq il-profil tiegħu u jitkellem man-nies. “Niftakar meta konna mmorru narawh l-Isptar kull filgħaxija kien iħobb jagħmel dak il-filmat qasir ta’ minuta jew tnejn u jibgħat messaġġ lil sħabu u lill-familja.”

Staqsejna lil Elton x’kien ifisser il-ħaddiem għal missieru. Huwa qal li meta kien ikun magħhom id-dar, Tony kien jipprova kemm jista’ jkun iħalli l-problemi ta’ fuq ix-xogħol warajh.

Qal li ċertu affarijiet kienu jsiru jafu bihom minn barra. “Però qatt ma niftakar li rrifjuta li jkellem lil xi ħadd… anke meta konna noħorġu bħala familja, inkunu qed nieklu jiġi xi ħadd isaqsih dwar xi problema u hu jieqaf u jmur ikellmu. Id-dedikazzjoni li kellu lejn il-ħaddiem kienet kbira ħafna,” temm jgħidilna Elton.

Tony Zarb se jingħata l-aħħar tislima nhar is-Sibt 11 ta’ Ġunju. Għall-ħabta tad-8.45 a.m., jitlaq il-korteo minn Mater Dei lejn il-bini tal-General Workers’ Union fejn se jingħata tislima mill-kollegi tiegħu.

Imbagħad huwa se jingħata l-aħħar tislima f’quddiesa ġewwa l-Knisja ta’ San Publiju l-Furjana u wara ssir id-difna fiċ-Ċimiterju ta’ San Girgor, fiż-Żejtun.

Ekonomija

Sport