Wednesday, October 9, 2024

Id-delegati dejjem iddefinixxew il-futur tal-PL u tal-pajjiż fl-aħjar interess

Jikteb John Grech

Aqra wkoll

Kull darba, li d-delegati tal-Partit Laburista kienu msejħa fil-Konferenza Ġenerali, l-ogħla organu fi ħdan l-istess partit, biex jagħżlu, jiddefinixxu u jwittu t-triq għall-futur tal-partit u tal-pajjiż, dejjem wieġbu għaliha bi ħġarhom. Dejjem għamlu dan fl-aħjar interess tal-Partit Laburista u wisq aktar tal-pajjiż. 

Issa, intom id-delegati erġajtu qegħdin tkunu msejħa, biex għaldarboħra, tkunu intom, li ġġeddu lil dan il-partit. Partit li bis-saħħa tagħkom dejjem kien id-dar naturali, tal-ħaddiema, tal-familji, ta’ min iħaddem, taż-żgħażagħ, u tal-anzjan tagħna. 

Id-delegati, huma l-qalb tal-Partit Laburista. Qalb li bdiet tħabbat proprju fl-1920. Qalb li għadha tħabbat. Għadha tħabbat għaliex id-delegati dejjem kellhom twemmin wieħed – il-bajda u l-ħamra nipproteġuha, inħarsuha u niddefenduha f’pajjiżna iżda bil-wisq aktar barra minn xtutna, fl-ogħla istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, u ma’ kontinenti oħrajn. 

Matul dawn is-snin kollha, id-delegati dejjem għarfu u fehmu li d-deċiżjonijiet li jieħdu minn żmien għal żmien ma ddefenixxewx biss lill-Partit Laburista fuq livell nazzjonali, iżda wkoll fuq livell internazzjonali. 

Sa minn meta l-Partit kien fit-tmun tal-Perit Dom Mintoff, ir-relazzjonijiet tagħna, bħala Partit Laburista ma’ pajjiżi ferm akbar minna, dejjem kienu b’saħħithom. Illum, nistgħu ngħidu, li pajjiżna, bis-saħħa tal-Partit Laburista, u bis-saħħa tad-deċiżjonijiet li dejjem ħadu d-delegati, inħabtuha ma’ pajjiżi kbar. Pajjiżi u kontinenti, li jħarsu lejna mhux f’superjorita, iżda b’rispett, għaliex huma wkoll għarfu li aħna kapaċi ninfluwenzaw, inbiddlu u nagħmlu differenza pożittiva f’dinja dinamika. 

Umilment nemmen, li ċ-ċokon ta’ pajjiżna, din il-ġawhra f’nofs il-baħar Mediterran, ma jiddefenixxix il-potenzjal infinit li għandna barra minn xtutna, meta nkunu madwar il-mejda ma’ pajjiżi ġganti. 

F’mumenti kruċjali għal pajjiżna, il-Partit Laburista jrid ikun l-ewwel linja ta’ difiża għal pajjiżna. Li mmorru barra minn xtutna u nittradixxu lil art twelidna qatt ma kienet għażla, anzi dejjem kien il-Partit Laburista, intom id-delegati li ddefendejna bl-iktar mod b’saħħtu lil pajjiżna. 

Il-marka pożittiva u r-relazzjonijiet li nistgħu nsaħħu u oħrajn ġodda li nistgħu nesploraw bħala Partit Laburista internazzjonalment huma sinfikanti. 

Dan nafuh, għaliex kull darba li ġejna msejħa biex nagħtu s-sehem tagħna fuq livell internazzjonali dejjem konna influwenti, kemm bħala Partit Laburista, kif ukoll bħala Gvern. 

Il-preżenza tal-Partit Laburista fil-kamp internazzjonali mhiex biss ta’ benefiċċju għal Malta bħala pajjiż. Nemmen bis-sħiħ, li l-rwol ta’ Segretarju Internazzjonali jista’ jibni l-pontijiet ma’ pajjiżi oħrajn biex il-kunsilli lokali u l-eluf ta’ għaqdiet volontarji li għandha f’pajjiżna jibbenfikaw minn dak li qiegħed isir f’ibliet u rħula barranin. Fl-istess waqt, it-tajjeb, il-ġid u l-ħidma tal-kunsilli lokali, kif ukoll ta’ dawn l-għaqdiet volontarji jistgħu jinfluwenzaw pajjiżi oħrajn biex jimxu fuq il-passi tagħhom. 

Minkejja ċ-ċokon tagħna dejjem għarafna li l-potenzjal li għandna bħala partit, li nkunu proattivi u mhux reattivi, jagħmel differenza sinifikanti f’pajjiżi oħrajn. 

Fl-aħħar jiem, kelli l-opportunita li nkompli niltaqa’, nisma’ u nitkellem ma aktar delegati. L-entużjamu u l-enerġija pożittiva fost id-delegati tinħass sew. Dak l-istess entużjażmu li l-poplu kellu elezzjoni wara oħra, meta għaraf li l-Partit Laburista biss jista’ verament ibiddel lil dan il-pajjiż u jtejjeb il-kwalita tal-ħajja tal-poplu Malti u Għawdex. 

Il-Partit Laburista fil-Gvern seta’ jagħmal dan għaliex intom id-Delegati dejjem għamiltu l-aħjar għażliet biex il-partit jibqa’ jkun partit rebbieħ, il-partit li jġib il-bidla u jagħmel differenza pożittiva fil-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna. 

Il-Partit Laburista, grazzi għad-delegati tiegħu, kien, għadu u jibqa’ għaddej minn proċess ta’ tiġdid u bidla. Dan għaliex huwa partit ħaj u dinamiku u mpenjat li jibqa’ jkun dejjem relevanti f’dinja li kuljum tinbidel.

Dan li jagħmel lill-Partit Laburista rebbieħ. Konvint, li bħalma dejjem għamlu, id-delegati se jerġgħu jqumu għall-okkażjoni, għaliex ilkoll flimkien, dejjem emminna, li Malta, pajjiżna, f’kull rokna tad-dinja, jiġi dejjem l-ewwel u qabel kollox. 

Il-Ġejjieni tal-Partit Laburista, tagħna u ta’ Malta li tant inħobbu F’idejna. 

Sport