Saturday, October 5, 2024

“Nisimgħu lin-nies biex inwettqu l-ideat tagħhom”- Norma Saliba, kandidata għall-President tal-Partit Laburista

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-kandidata għall-President tal-Partit Laburista Norma Saliba saħqet li jekk tkun eletta f’din il-kariga, se tiffoka l-ħidma tagħha fuq tliet prijoritajiet ewlenin. L-ewwel prijorità tagħha se tkun dik li jkunu organizzati aħjar l-istrutturi tal-partit sabiex dawn ikunu jirriflettu l-eżiġenzi tal-lum il-ġurnata.

Prijorità oħra hija t-tisħiħ fil-komunikazzjoni tal-partit biex ikun żgurat li l-messaġġ jasal b’mod ċar għand kulħadd. It-tielet prijorità tagħha se tkun dik li sservi bħala vuċi għad-delegati, attivisti u l-membri kollha tal-PL u dan se jsir billi tisma’ mingħand in-nies u twettaq l-ideat tagħhom.

F’intervista ma’ dan is-sit , Saliba qalet li rridu nħarsu lejn din l-opportunità li ninsabu fiha bħala l-possibilità ta’ proġett politiku ġdid. Qalet li l-Partit Laburista jrid ibiddel xi ftit jew wisq minn kif kien qed jopera s’issa għaliex in-nies għaddew messaġġ.

U dak il-messaġġ, il-Partit Laburista qiegħed jaqrah u jaħdem fuqu bil-għan li dan it-tiġdid li għaddej bħalissa fl-amministrazzjoni tal-partit ikun jista’ jużah biex isaħħaħ il-komunikazzjoni, id-dehra, l-istil ta’ politika li qiegħed jattwa.

“Iżda mhux biss. Li jkun aktar qrib in-nies,” kompliet tgħid Saliba. “U għaldaqstant jiena minn hawnhekk nappella lid-delegati, l-attivisti u l-membri kollha tal-PL. Jiena rrid inkun il-vuċi tan-nies, il-vuċi tagħhom bil-għan li nisma x’għandhom xi jgħidu, nixtarr il-messaġġ tagħhom biex imbagħad il-PL ikun jista’ jwettaq u jaġixxi fuq dak li jkun għadu kif sema’ mingħand in-nies.”

Għaldaqstant saħqet li dan huwa l-aħjar żmien biex ikunu jistgħu jagħmlu din il-bidla fil-metodu ta’ kif naslu għand in-nies u naraw li l-istrutturi tal-partit ikunu jistgħu jinbidlu biex ikunu jirriflettu ż-żminijiet tal-lum. 

“Hemm bżonn ta’ outreach… bieb bieb”

Saliba qalet li ta’ kuljum tiltaqa’ ma’ nies differenti f’lokalitajiet differenti, mal-kumitati lokali u distrettwali u mad-delegati li jkunu jixtiequ jitkellmu magħha anke b’mod personali. “Qegħdin f’ċirkustanza fejn naraw illi nilħqu lil kulħadd. Għalhekk hemm bżonn ta’ outreach. Bieb bieb. Irridu naraw li nisimgħu lin-nies. Ħafna nies qed iħabbtulna wkoll il-bieb tagħna bħala partit għax qed jgħidu “Jiena għandi x’noffri, kif nista’ nikkontribwixxi?”. Allura rridu nieħdu l-okkażjoni li meta qed niltaqgħu ma’ dawn in-nies kollha, naraw li niftħu l-bibien tagħna, nilqgħuhom fi ħdanna, dawk li forsi tbiegħdu nerġgħu naraw kif se nġibuhom lura imma nħeġġu nies ġodda biex jissieħbu fil-Partit Laburista u f’dan il-proġett politiku ġdid biex in-nies ikunu parteċipi fih u naraw kif jistgħu anke jtejbu allura l-policies tal-PL.”

Hija qalet li l-ideat tan-nies tagħhom irridu naraw kif se nużawhom, kif se jifformulaw il-pożizzjoni tal-partit u kif se jkunu qed ifasslu policies ġodda. Kien hawn fejn qalet li s-soċjetà hija waħda dinamika u dak li seħħ fl-aħħar 11-il sena ta’ Gvern Laburista rridu naraw li nkomplu nsaħħu dawk l-inizjattivi u l-miżuri kollha li saru. 

“Pereżempju ċ-childcare b’xejn. Hija miżura li ħalliet ħafna frott. Imma issa wara dik, in-nies x’jixtiequ. Kif se ntejbulhom il-kwalità tal-ħajja wara li ġew introdotti dawk il-miżuri kollha, il-maġġor parti tagħhom soċjali, u għaldaqstant issa jmiss il-pass li jmiss. Jien naħseb li dan huwa eżerċizzju li jrid ikun kontinwu, mhux issa għax hawn l-elezzjoni tal-amministrazzjoni, qed niltaqgħu man-nies u wara nieqfu hemm.”

“Irridu naraw kif inkomplu nsaħħu l-ideat”

Mistoqsija dwar il-kontribut taż-żgħażagħ fi ħdan il-Partit, Norma Saliba qalet li dan ukoll huwa parti mill-proċess ta’ outreach li jrid isir. Qalet li rridu naraw kif inkomplu nsaħħu l-ideat. “Il-fergħa tal-veterani, in-Nisa Laburista, Żgħażagħ Laburisti u jekk hemm bżonn niftħu fergħat ġodda biex nippruvaw nimmassimizzaw l-imħuħ li hemm fil-Partit.” 

Hija fakkret kif kien il-Partit Laburista, fi żmien Mintoff li ta l-vot lill-mara u llum il-Partit Laburista qed jagħti l-Vot16. Qalet li mil-lum irridu naraw kif se nilħqu lil dawk li għandhom 13/14-il sena għaliex dawn sentejn u nofs oħra se jkunu qegħdin jivvutaw. 

Għaldaqstant, Saliba qalet li jridu jiftħu aktar il-bibien tal-Partit biex jilħqu mhux biss lill-fergħat li għandhom ħafna kontribut x’jagħtu f’dan il-proġett politiku ġdid imma wkoll illi jħajru setturi differenti tas-soċjetà jinvolvu ruħhom fihom għax dan jista’ jkun pjattaforma biex bħala partit isibu kandidati li jkunu idonei għall-elezzjoni ġenerali li jmiss.

“L-għan tal-PL u tal-Gvern Laburista huma l-istess però l-mod kif joperaw huma differenti”

Staqsejnieha wkoll dwar id-distanza li għandha tinżamm bejn il-PL u l-Gvern hekk kif osservaturi qed isostnu li dawn bħal donnhom saru ħaġa waħda, b’Saliba tgħid li jekk tingħata l-fiduċja mid-delegati, trid tkun il-President tal-PL li tara li din id-distinzjoni tinżamm. 

“L-għan tal-PL u tal-Gvern Laburista huma l-istess però l-mod kif joperaw huma differenti. Għax il-PL irid ikun l-organu li jkun kritiku anka jżomm il-gvern ‘in check’ mal-miżuri li diġa’ ġew imwiegħda fil-manifest elettorali. Dak hu l-irwol tal-PL li dejjem jiffoka fuq kif jitwettaq il-manifest elettorali. Il-Gvern irid jiffoka fuq il-ħidma li jrid iwettaq imma l-partit irid ikun hu illi jara li dak li ġie mwiegħed jitwettaq.”

Saliba qalet li hemm l-1,000 proposta li jrid jitwettqu. Iżda mhux biss għaliex minn dakinhar li sar il-manifest elettorali, il-ħajja qiegħda tinbidel b’rata mgħaġġla ħafna. 

“Fejn ikun hemm bżonn intervent, irid isir, u kif fil-fatt ġara. Meta ġara xi ħaġa li ma kinitx mistennija. Meta ffaċċjajna l-Covid, minkejja li ġiet għall-għarrieda fuqna, il-gvern ra kif jadatta u l-partit jista’ jgħin f’dan ir-rigward. Għalhekk irid kontinwament jaħdem fuq policies u pożizzjonijiet li għandu jkollu l-PL ħalli meta tiġi għal sitwazzjonijiet bħal dawn inkunu preparati ħalli l-Gvern jiggverna u jiggverna billi jkun qed jindirizza l-ħtiġijiet tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.”

“Il-poplu ta messaġġ li jrid verżjoni aħjar tal-PL”

Dwar il-messaġġ li għadda l-poplu fl-aħħar elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali, Saliba qalet li l-poplu ta messaġġ li jrid verżjoni aħjar tal-PL. Għaldaqstant fissret kif dan il-proċess ta’ tiġdid huwa opportunità tad-deheb biex il-partit ikun jista’ jirranġa fejn hemm bżonn.

“Waħda mill-prijoritajiet tiegħi hija li rridu norganizzaw aktar lill-PL, l-istrutturi li jopera bihom sabiex inkunu nistgħu ntejbu u naslu aktar fejn irridu naslu, għall-elezzjoni ġenerali li jmiss.

“It-tieni – għandek it-tisħiħ tal-komunikazzjoni. Naqsamha fi tnejn, l-outreach li rridu naslu għand kulħadd imma mbagħad irridu nagħtu każ it-tisħiħ tal-midja tal-Partit Laburista. Il-midja rridu nifirxuha – televiżjoni, radju, gazzetta u midja soċjali. Importanti ħafna li dawn ikunu effettivi, li jaħdmu bi professjonalità, naraw li l-messaġġ jasal ċar għand kulħadd b’metodi differenti għaliex ommi kif tfittex il-messaġġ mhux l-istess kif ifittex il-messaġġ it-tifel tiegħi.” 

“Imbagħad hemm ukoll il-middle-class, l-elettorat moderat. Jiena bdejt il-ONE 27 sena ilu. Dak kien l-ewwel kontribut li tajt fil-midja tal-PL. Ħdimt ukoll fil-GWU bħala l-ewwel impjieg full time tiegħi. Il-prinċipji Laburisti u soċjalisti irridu naraw li jaslu għand kulħadd. Għax in-nies qed jistennew li aħna nżommu ma’ dawk l-għanijiet però nipprovdu anke soluzzjonijiet li huma adatatti għaż-żminijiet tal-lum,” tenniet il-kandidata għall-President tal-PL. 

“Se niddedika l-ħin tiegħi biex il-PL jerġa’ jkun forza rebbieħa” 

Fl-aħħar nett, staqsejnieha dwar l-importanza li jkun hemm involviment femminili fit-tmexxija l-ġdid tal-partit. Saliba qalet li jekk tkun maħtura f’din il-kariga, ma rridux inħarsu biss lejn il-bilanċ tal-ġeneru imma rridu mmorru lil minn hekk.

Qalet li rridu mmorru għall-kwalitajiet li jeħtieġ il-PL fl-amministrazzjoni tiegħu. Għaldaqstant kien hemm ħafna delegati, attivitsiti, membri fosthom il-PL li avviċinawha u ħajruha tagħti aktar kontribut fil-partit billi tikkontesta għal din il-kariga. 

“Kien għalhekk li wkoll aċċettajt in-nomina u l-appoġġ tal-Ministru Ian Borg u tal-Ewroparlamentari Alex Agius Saliba li mbuttawni u kienu huma li meta tfajt in-nomina, innominawni u ssekondawni sabiex inkun nista’ nkun hemm fit-13 u l-14 ta’ Settembru fuq il-polza tal-vot sabiex id-delegati jkollhom ismi”.

Żiedet tgħid li hi “doer” u kull fejn kienet dejjem tat il-mija fil-mija u dak se jibqa’ jkun l-għan tagħha. Saliba temmet tgħid li jekk tinħatar f’din il-kariga, b’ħilitha kollha, b’saħħitha kollha u bl-enerġija kollha se tiddedika l-ħin tagħha lill-PL biex jerġa’ jkun forza rebbieħa u l-akbar forza politika li jkun hawn f’Malta u f’Għawdex kollha fiż-żmien illi ġej.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport