Il-ġlieda għaddiet … il-ħajja kompliet!
Id-deputat Parlamentari Amanda Spiteri Grech se tipproponi proposta leġislattiva fil-Parlament biex jinħoloq id-dritt li jintesa l-passat mediku għal dawk li fiequ mill-kanċer. Din hija proposta li se tippermetti lil persuni li ġew imfejqa mill-kanċer li ma jibqgħux obbligati jiżvelaw l-istorja medika tagħhom meta japplikaw għal self, poloz ta’ assigurazzjoni jew meta japplikaw għal impjieg ġdid wara li jkunu għaddew ċertu ammont ta’ snin
Din il-proposta tista’ tkun pass importanti lejn soċjetà aktar ġusta u inklużiva, fejn persuni li kellhom kanċer jistgħu jgħixu mingħajr biża’ u jieħdu opportunitajiet għall-ħajja, x-xogħol u l-finanzi tagħhom. Għaldaqstant Spiteri Grech tħeġġeġ lill-pubbliku kollu biex jieħu sehem fi proċess ta’ konsultazzjoni li se ssir fil-ġimgħat li ġejjin, u dan sabiex il-proċess ta’ konsultazzjoni jgħin biex jinkiseb qafas ġust għal kulħadd. “Il-ġlieda għaddiet u l-ħajja kompliet. Wasal iż-żmien li noħolqu futur fejn il-kanċer ikun biss kapitlu fil-passat u mhux limitazzjoni għal ħajtek kollha,” saħqet id-deputat laburista.
Il-bażi tal-proposta
Spiteri Grech spjegat li ħafna persuni li jkunu fiequ mill-kanċer, jibqgħu iħabbtu wiċċhom ma’ għadd ta’ ostakli ‘burokratiċi’. Hija saħqet dan filwaqt li qalet li persuni li kellhom kanċer ma għandhomx jibqgħu jiġu ittimbrati tul ħajjithom kollha.
Illum il-ġurnata, ħafna nies li għelbu l-kanċer, anke jekk għaddew aktar minn għaxar jew għoxrin sena mid-dijanjosi tagħhom jibqgħu jiġu kkunsidrati bħala riskju għoli minn istituzzjonijiet finanzjarji. Aġenziji tal-assigurazzjoni spiss jitolbu dokumentazzjoni medika dettaljata, u minħabba f’hekk jiżdied drastikaement il-premium jew inkella l-applikazzjoni tagħhom tiġi miċħuda kompletament.
Min-naħa l-oħra, fil-qasam tax-xogħol, uħud ikunu obbligati jiżvelaw l-istorja medika tagħhom, anke jekk ikunu għaddew diversi snin u anke jekk dawn għandhom il-kapaċità fiżika u mentali sħiħa biex iwettqu xogħolhom. Dan iħalli impatt mhux biss fuq il-kwalità tal-ħajja tagħhom iżda jillimita l-opportunitajiet finanzjarji u professjonali tagħhom.
Id-deputat laburista Spiteri Grech enfasizzat li hemm diversi pajjiżi Ewropej li addottaw liġijiet li jħarsu dan d-dritt uman fosthom Franza, il-Belġju, l-Italja, ir-Rumanija, Ċipru u Spanja fost oħrajn.
Il-prinċipju fundamentali f’dawn il-liġijiet hu li wara perjodu definit ta’ fejqan, il-passat mediku ma għandux jibqa jaffettwa opportunitajiet finanzjarji jew professjonali ta’ dik il-persuna.
Minkejja l-avvanzi li saru fil-qasam onkoloġiku, il-passat mediku spiss jibqa’ ostaklu serju għall-persuni milquta li jridu jgħixu ħajja normali wara l-kanċer. Amanda Spiteri Grech temmen li wasal iż-żmien li Malta ssegwi l-eżempju Ewropew u tipprovdi protezzjoni legali lil dawk li intlaqtu minn din il-marda.
Konsultazzjoni pubblika
Spiteri Grech ħabbret konsultazzjoni pubblika biex tisma’ l-fehmiet ta’ kulħadd, tal-persuni milquta, l-familji tagħhom, organizzazzjonijiet u stakeholders fost oħrajn. Il-parteċipazzjoni tista’ ssir billi tibgħat feedback permezz ta’ email fuq [email protected].
Fi kliem Spiteri Grech, din il-konsultazzjoni se tgħin biex l-abbozz ta’ liġi jkun ġust, inklużiv u jirrifletti l-esperjenzi reali.